Protezzjoni lill-ħaddiema f’impjieg prekarju
Il-Kunsill tal-UE mistenni jadotta, b’mod formali, Direttiva li qed tkun proposta dwar kundizzjonijiet trasparenti u previdibbli tax-xogħol matul dan ix-xahar. Il-proposta qed timmira li tistabbilixxi drittijiet ġodda għall-ħaddiema, tindirizza protezzjoni insuffiċjenti minn xogħol prekarju, tillimita piżijiet fuq min iħaddem, filwaqt li tassigura li s-suq tax-xogħol jibqa’ adattabbli.
Il-proposta tgħid li l-ħaddiema kollha fl-UE irid ikollhom id-dritt li jkollhom informazzjoni sħiħa dwar l-aspetti essenzjali tax-xogħol tagħhom fl-ewwel jum tal-impjieg il-ġdid tagħhom. Il-proposta wkoll tħares biex tillimita ż-żmien tal-perijodi ta’ probation, u tassigura li l-ħaddiema ma jkollhomx għalfejn iħallsu għal taħriġ mandatorju li huwa mitlub sabiex iwettqu x-xogħol tagħhom.
Il-punti t’hawn fuq huma, fl-aħħar mill-aħħar, immirati biex jindirizzaw dawk l-aspetti li tipikament jirriżultaw f’sitwazzjonijiet ta’ xogħol prekarju, u huma mmirati biex ikopru lill-ħaddiema kollha fil-forom kollha tax-xogħol, taħt diversi kundizzjonijiet.
Malli l-proposta tkun formalment addottata mill-Kunsill tal-UE, l-Istati Membri se jkunu mitluba biex jagħmlu traspożizzjoni tad-Direttiva l-ġdida fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom. Dan normalment jieħu xi sentejn biex il-proċess ikun finalizzat.