F’xi mument f’ħajjitna, ilkoll kellna relazzjoni ma’ xi ħadd – ma’ ġenitur, għalliem jew forsi ma’ min iħaddimna – li tassew bidlu l-mod kif inħarsu lejn il-ħajja. Xi ħadd li kellu jew għandu livelli għoljin fil-ħajja u tabilħaqq kien strumentali. Xi ħadd li ispirana u li mmotivana. Xi ħadd li għallimna biex naspiraw għall-ġejjieni u nissel fina l-kunfidenza u l-ispirtu biex niksbu l-miri tagħna. Tali persuna hi mexxej ta’ veru. 

Illum ninsabu mdawwrin b’nies li jsejħu lilhom infushom mexxejja – fil-gvern, fil-postijiet tax-xogħol jew fl-edukazzjoni. Imma jisgħobija ngħid li qed inbatu minn skarsezza ta’ tmexxija ġenwina. Fejn qed imexxuna dawn in-nies u għaliex? 

Uħud mill-popolazzjoni Maltija jħossu li tant esperjenzaw każijiet ta’ ingann u abbuż ta’ poter li waqqfu jafdaw lill-mexxejja tagħhom. Madankollu, minkejja li nkunu ċiniċi dwar dak li qed jiġri madwarna, nirrasenjaw ruħna għall-fatt li wara kollox irridu lil xi ħadd biex iżomm diversi oqsma tas-soċjeta’ f’posthom. Peress li aħna  tant inkunu preokkupati b’ħajjitna, ilkoll lesti li neleġġu rappreżentanti fostna  biex  imexxu lil pajjiżna. 

Kif nirrikonoxxu mexxej ta’ veru? Ħafna mill-mexxejja tagħna huma managers effettivi, u wħud saħansitra jispiraw lin-nies. Għandna politiċi, per eżempju, li r-retorika tagħhom tispira eluf ta’ ċittadini biex jappoġġjawhom. Madankollu dawn jonqsu minn xi ħaġa sempliċi u essenzjali – viżjoni tal-ħajja nnifisha. 

Mexxej ta’ veru ma jridx is-segwaċi; irid jgħallem lil ħaddieħor kif ikunu mexxejja. Ma jridx kontroll; irid il-verita’. Ma jimponix it-tmexxija tiegħu fuq ħaddieħor u lanqas ma jieħu l-awtonomija ta’ xi ħadd. Mexxej ta’ veru irid ikun eżempju ħaj ta’ dak li jippriedka. Jekk naraw li mexxej ma jgħix skont dak  li jippriedka, allura qatt ma nistgħux nafdawh. 

Allura mexxej irid ikollu diversi karatteristiċi – għandu jkun onest, kunfidenti, viżjonarju, impenjattiv, ikollu attitudni pożittiva, kreattiv, ikollu l-abbilta’ li jispira, intuwittiv u fuq kollox ikun umli.  

Irridu nirrikonoxxu l-karatteristiċi ta’ mexxej – mhux biss biex neħilsu minn  dawk l-individwi li jfittxu l-appoġġ billi jappellaw għax-xewqat u l-preġudizzji ta’ nies ordinarji flok jargumentaw b’mod razzjonali – imma nkunu nistgħu nħaddnu mexxej  ta’ veru meta dan jitfaċċa. 

Meta n-nies verament jemmnu f’mexxej, huma jwarrbu t-tħassib personali tagħhom. Ikunu ħerqana biex jaċċettaw id-direzzjoni u l-impenn tiegħu, filwaqt li jkunu ispirati biex iwettqu ħafna iżjed milli jistgħu waħidhom.