Il-Komunità Terapewtika San Blas immexxija mill-Caritas dan l-aħħar kienet fl-aħbarijiet minħabba l-gradwazzjoni ta’ 14-il resident li temmew b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga.

Filwaqt li okkażjonijiet bħal dawn iġibu ferħ għax dawn il-‘gradwati’ rnexxielhom jibdew ħajja ġdida bis-saħħa ta’ din l-istituzzjoni mmexxija mill-Knisja, in-naħa l-oħra tal-munita hi li l-vizzju tad-droga u l-abbuż minn sustanzi projbiti laħqu livelli għoljin bla preċedent. Sfortunatament, anke d-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt wissa li dan mhux iż-żmien li niċċelebraw fl-isfond tar-rekords għoljin li qed jiġu reġistrati. Is-sena li għaddiet xejn inqas minn 765 persuna fittxew l-għajnuna tal-Caritas, nofshom bil-vizzju tal-kokaina – l-ogħla proporzjon li qatt ġie rreġistrat. 21% oħra fittxew trattament għall-vizzju tal-eroina u 17% għall-kannabis. Kien hemm 233 każ li wasslu biex jidħlu fil- faċilitajiet residenzjali, filwaqt li l-Caritas tat assistenza lil 491 familjari ta’ dawn l-il-persuni.

Fl-indirizz tiegħu, id-direttur tal-Caritas ma qgħadx jomgħodha biex jesprimi tħassib tiegħu dwar il-kultura tad-droga f’Malta. Bla dubju, issa qed nibdew niffaċċjaw ir-realtà tad-deċiżjoni tal-gvern li jillegalizza l-konsum tal-kannabis, fost ilmenti li din is-sustanza qed tiġi kkunsmata fil-pubbliku, minkejja l-projbizzjoni legali, li jidher hi bi biss fuq il-karta. L-abbuż tal-kokaina qed ikompli wkoll.

“Saħansitra rajna reklamar fuq il-bus stops, u l-għalliema tal-iskola jħossu li qed jagħmlu battalja telliefa meta t-tfal ikunu konxji sew li jistgħu jpejpu legalment il-kannabis ta’ 18-il sena,” irrimarka d-direttur tal-Caritas.

Sadanittant, jumejn biss wara dan l-avveniment tal-gradwazzjoni, il-Malta Today irrapportat li Paceville sar suq għad-droga bit-toroq qisu “bazaar ta’ kull xorta ta’ droga” inkluż l-aħħar moda ta’ bżieżaq tal-gass biex dak li jkun isir high.

Din is-sitwazzjoni ħarġet fil-beraħ bla sforz ta’ xejn meta mar ġurnalist taparsi interessat jixtri d-droga. Dan ma sab l-ebda diffikultà  għax mill-ewwel marru fuqu offrewlu għażla ta’ sustanzi pprojbiti fosthom il-kokaina. Dan kollu seħħ fil-preżenza ta’ diversi negozjanti oħra tad-droga bla bizgħa u mistħija ta’ xejn. Ir-rapport innota li ma kien hemm l-ebda uffiċjal tal-pulizija fl-inħawi, iżda biex nagħtu  l-benefiċċju tad-dubju, ejja ma neskludux il-possibbiltà li kien hemm pulizija pajżana.

Sadattant, il-gvern ħabbar pjanijiet biex jintroduċi testijiet tad-droga għas-sewwieqa filwaqt u ntqal li se jkun hemm tolleranza żero għal drogi illeċiti. Xi jfisser dan? Ifisser li min ipejjep il-kannabis se jkun qed jiġi tollerat? Filwaqt li l-ittestjar għall-abbuż mid-droga biex ikun hemm iktar sigurtà fit-toroq tagħna missu beda snin ilu, din il-miżura qatt ma tista’ tiġi rikonċiljata mal-legalizzazzjoni tal-kannabis. Waħda tikkontradixxi lill-oħra. Jidher li issa qed nirreaġixxu għal problemi li ħloqna aħna stess, problemi li esperti fil-ġlieda kontra d-droga kienu wissewna dwarhom. Fir-realtà, jidher li ħloqna konfużjoni sħiħa.

Kif irrimarka d-direttur tal-Caritas “l-isfortuna tagħna hi li se jkollna bżonn naħdmu aktar biex insolvu l-problema li ħloqna aħna stess”.