Ġurnalisti, organizzazzjonijiet tal-midja, attivisti, akkademiċi, artisti u riċerkaturi għandhom ikunu protetti minn proċedimenti legali infondati u abbużivi. Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar regoli ġodda biex jiżgura protezzjoni fl-UE kollha minn kawżi frivoli kontra l-parteċipazzjoni pubblika bi 15-il vot favur, 1 kontra u 1 astensjoni.

L-abbozz tar-regoli fih salvagwardji kontra kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs) u theddid tagħhom. Dawn huma azzjonijiet legali infondati u abbużivi biex isikktu lil dawk li jaħdmu fl-interess pubbliku fuq kwistjonijiet bħad-drittijiet fundamentali, l-ambjent u l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni. Japplikaw f’każijiet minn pajjiż għall-ieħor, jiġifieri meta konvenut u attur ma jkunux ibbażati fl-istat membru tal-qorti.

Biex tiżdied il-protezzjoni tal-UE, il-MPE estendew id-definizzjoni ta’ każijiet transkonfinali, biex jinkludu każijiet fejn is-suġġett tal-każ huwa rilevanti għal aktar minn pajjiż wieħed u huwa aċċessibbli elettronikament. Huma jħeġġu wkoll lill-pajjiżi tal-UE biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għal każijiet nazzjonali, speċjalment fejn tidħol assistenza legali għal dawk fil-mira.

Tkeċċija bikrija, ħlas tal-ispejjeż u nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi ta’ pajjiżi terzi

Dawk fil-mira ta’ SLAPP ikunu jistgħu japplikaw biex il-każ tagħhom jiġi miċħud kmieni u jkun f’idejn ir-rikorrent li jipprova li l-każ mhuwiex manifestament infondat. Ir-rikorrenti jkopru wkoll l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti, filwaqt li l-vittmi ta’ SLAPPs ikollhom id-dritt għal kumpens, inkluża ħsara għar-reputazzjoni. Każijiet ta’ malafama jkunu ammissibbli biss fil-qorti nazzjonali tal-konvenut. Il-MPE jridu wkoll li l-istati membri ma jirrikonoxxux sentenzi kontra dawk fil-mira ta’ SLAPPs f’pajjiżi terzi u fit-territorju tagħhom. Għall-kuntrarju, dawn il-persuni fil-mira jkunu intitolati li jitolbu kumpens għal SLAPP fil-qrati nazzjonali.

Appoġġ nazzjonali u ġbir ta’ data

Skont il-MPE, l-istati membri għandhom jipprovdu assistenza legali, finanzjarja u psikoloġika lill-vittmi tas-SLAPPs, inkluż il-ħolqien ta’ one-stop-shops b’kuntatti ta’ appoġġ rilevanti u jiġbru informazzjoni pertinenti, speċjalment dwar deċiżjonijiet tal-qorti.

Il-Parlament se jadotta l-pożizzjoni ta’ negozjar tiegħu fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju. Imbagħad se jiddeċiedi flimkien mal-Kunsill dwar il-forma finali tal-leġiżlazzjoni l-ġdida.