‘Politiċi fi ħdan il-Gvern stess qed jimminaw il-politika tal-impjiegi’
Il-politika dwar l-impjiegi li għandha l-għan li ttejjeb ix-xogħol tal-ħaddiema Maltin filwaqt li tindirizza ċertu nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol hi destinata li tfalli jekk politiċi fi ħdan il-Gvern stess se jibqgħu jieħdu ħaddiema produttivi u tas-sengħa mis-settur privat biex jagħtuhom impjieg fis-settur pubbliku.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella għamel din it-twissija waqt it-tnedija tal-Politika Nazzjonali dwar l-Impjiegi 2021-2030 li kienet preseduta mill-Ministru tal-Finanzi u l-Impjiegi Clyde Caruana.
Fir-rimarki tiegħu i-Kap Eżekuttiv tal-UHM laqa’ l-firxa wiesgħa ta’ inizjattivi f’din il-politika l-ġdida li għandha l-għan li tgħolli l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema permezz ta’ impjiegi mħallsa aħjar, produttività ogħla u ħaddiema aktar kwalifikati. Madankollu, hu irrimarka li din il-politika ma tirnexxix sakemm tibqa’ tiġi imminata minn ċertu politiċi.
“Fl-aħħar xhur iltqajt ma’ 10 ħaddiema żgħażagħ ta’ 23 sena jew inqas li ngħataw xogħol mal-Gvern, minkejja l-fatt li kellhom xogħol tajjeb fl-industrija tal-manifattura fis-settur privat. Huwa inutli li l-Gvern li iniedi dawn il-policies jekk fl-istess ħin dawn il- qed jiġu imminati minn membri fl-istess Gvern, ”qal Vella.
Fir-reazzjoni tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi insista li huwa kontra prattika bħal din. “Dan huwa ħażin. Qatt ma għamiltha u qatt ma se nirrikorri għal ħaġa bħal din, ”hu sostna.
“Jew inżomm ma’ dak li nemmen fih jew inkella l-bidla mixtieqa f’dan il-pajjiż qatt ma sseħħ,” żied jgħid. Madankollu, l-Ministru ma qalx x’azzjoni kien se jieħu biex prattiċi bħal dawn ma jibqgħux iseħħu.
Professjonisti jitilqu l-karriera għax m’għandhomx family friendly measures
Josef Vella qal li fl-aħħar tliet ġimgħat iltaqa’ mal-każ ta’ żewġ inġiniera nisa li ma baqgħux jipprattikaw il-professjoni tagħhom. “Huma sabu xogħol fi skola peress li dan kien l-uniku mod kif jibbenefikaw minn miżuri favur il-familja fin-nuqqas ta’ benefiċċju bħal dan fis-settur tagħhom. Dan ifisser li l-pajjiż mhux qed jieħu lura l-investiment li għamel biex ikun hawn ħaddiema kwalifikati.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM żied li dan l-aħħar iltaqa’ wkoll ma’ każ simili ta’ tliet infermiera li telqu mix-xogħol għax l-unika għażla tagħhom li jibbenefikaw minn miżuri favur il-familja kienet li jaħdmu bħala learning support educators. “L-attitudni ta’ ċerti employers li jagħmlu l-ħajja iebsa għall-ħaddiema tagħhom biex jibbenefikaw minn dawn il-miżuri qed tiswa ħafna, għax il-pajjiż kollu qed jitlef is-servizzi ta’ dawn il-ħaddiema tas-sengħa u professjonisti,” żied jgħid.
Il-Gvern ma jilqax proposta tal-UĦM dwar it-tnaqqis fil-ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol
Il-Ministru tal-Finanzi irrefera wkoll għall-proposta tal-UĦM biex isir studju dwar il-possibbiltà li titqassar il-ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol. Skont Caruana għadu prematur li niddibattu possibbiltà bħal din billi mhux is-setturi kollha fis-suq tax-xogħol jinsabu “lesti2 għal bidla bħal din minn perspettiva ta’ produttività u ħiliet.
Madankollu, il-pożizzjoni tal-Gvern kienet iċċarata aktar wara rimarki mill-Assistent Direttur tal-UĦM Mario Sacco li ressaq l-idea li jibda dan l-istudju f’dawk is-setturi li diġà kienu laħqu l-livelli mixtieqa ta ’produttività u ħiliet.
Fit-tweġiba tiegħu, Caruana innota li s-settur privat hu ħieles li jesplora idea bħal din iżda l-politika tal-Gvern kienet li jistenna sakemm is-suq tax-xogħol kollu jkun lest qabel ma jittieħed dan il-pass. “Jew nagħmluh flimkien jew xejn,” qal il-Ministru tal-Finanzi waqt li sostna li ma jixtieqx jara riforma dwar kwistjoni bħal din li ma jkunx qed igawdi minnha kulħadd fl-istess ħin. It-tweġiba tal-Ministru tindika li ma fehemx eżattament il-proposta tal-union. Dan għaliex it-talba tal-UĦM hi li jsir studju biex ikunu stabbilit liema setturi u liema postijiet tax-xogħol jinsabu lesti biex jimplimentaw din il-proposta. Il-UĦM qatt ma pproponiet li titnaqqas il-ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol għal kulħadd bl-istess mod.
Żmien li terġa’ tiddaħħal l-iskema tal-istudent-ħaddiem?
Il-politika l-ġdida tax-xogħol tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa fis-settur vokazzjonali u tipproponi l-ħolqien ta’ inċentivi għal min iħaddem biex iniedi skemi ta’ apprendistat u programmi ta’ taħriġ. Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Restoranti Maltina Tony Zahra irrimarka li kien sinifikanti ħafna li din l-idea hi fuq l-istess linji tal-iskema student-ħaddiem imħaddma mill-gvern Laburista ta’ Dom Mintoff xi 40 sena ilu. “Huwa ċar li rridu nistaqsu lilna nfusna fejn morna ħażin għax kieku ma nkunux hawnhekk nipproponu xi ħaġa simili ħafna wara dawn is-snin kollha”.
X’qed tipproponi din il-politika ġdida?
Il-politika l-ġdida dwar l-impjiegi fiha 40 rakkomandazzjoni. Dawn li ġejjin huma l-punti ewlenin:
- Ċensiment nazzjonali tal-ħiliet biex ikun hemm stampa tal-ħiliet tal-ħaddiema u jkun żviluppat qafas biex ikunu jistgħu jiġi abbozzati policies ġodda
- Inċentivi favur it-tagħlim tul il-ħajja u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema
- Inċentivi lil min iħaddem biex joffru skemi a’ apprendistat u programmi ta’ taħriġ
- Miżuri biex ħaddiema jibqgħu jaħdmu wara l-irtirar biex ikollhom dħul aħjar billi jkollhom komputazzjoni separata tat-taxxa għad-dħul mill-pensjoni u dħul mill-impjieg
- Overtime sa €10,000 fis-sena ikun intaxxat daqs part-time bir-rata ta’ 10%
- Inċentivi fiskali għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur privat
- Credits tal-bolla waqt l-off-peak season f’Għawdex biex tkun miġġielda l-istaġjonalità tal-impjiegi.
Nizzel id-dokument kollu billi tagħfas hawn.