Pass lura u mhux ’il quddiem fl-ingaġġ ta’ persuni ta’ fiduċja
Abbozz ta’ liġi mressaq fil-Parlament fis-sajf li għadda li kien immirat biex jagħti bażi legali u jirregola l-ħatra ta’ persuni ta’ fiduċja (positions of trust) mal-gvern kien deskritt bħala pass lura mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Din l-evalwazzjoni saret f’analiżi li saret mill-Kummissarju li fiha ta ħarsa lejn is-sitwazzjoni preżenti u l-implikazzjonijiet ta’ dan l-abbozz. Ironikament, il-Gvern ressaq dan l-abbozz b’reazzjoni għall-kritika mill-esperti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-saltna tad-dritt, magħrufa bħala l-Kummissjoni Venezja.
Ir-reklutaġġ ta’ persuni ta’ fiduċja mill-gvern mhuwiex fenomenu ġdid, u jista’ jkun ġustifikat f’ċerti każijiet. Madankollu, hemm kunsens wiesa li f’dawn l-aħħar snin dan il-mekkaniżmu ġie abbużat biex ikunu aġevolati xi wħud b’detriment għall-ħaddieħor. Filwaqt li jagħmel sens li xi membri f’segretarjat privat ta’ ministru jkunu maħtura b’dan il-mod, kemm minn ħdan is-servizz pubbliku jew minn barra, dan il-mekkaniżmu ġie abbużat bl-addoċċ. L-ingaġġ ta’ dog handler fuq bażi ta’ pożizzjoni ta’ fiduċja mill-Ministeru għall-Intern fl-2015 hu xhieda ta’ dan. Din ma kinitx eċċezzjoni għax il-gvern uża dan il-mod fir-reklutaġġ ta’ uffiċjali tas-sigurtà, uffiċjali tal-manutenzjoni u operaturi tal-krejnijiet jew tal-forklifts. Mhux ta’ b’xejn li sa Ottubru 2017, kien hemm xejn inqas minn 683 persuna impjegati fuq bażi ta’ fiduċja fuq il-kotba tal-gvern.
Iffaċċjat minn kritika qawwija iżda l-aktar mit-theddida lir-reputazzjoni ta’ Malta tieħu daqqa ta’ ħarta jekk tkun fil-lista l-griża ta’ Moneyval – entità tal-Kunsill tal-Ewropa li tiġġieled kontra l-ħasil tal-flus – il-gvern iddeċieda li jaġixxi u ppreżenta abbozz ta’ liġi qasir, bħala parti minn pakkett ta’ riformi tal-istituzzjonijiet ewlenin tal-pajjiż. Fortunatament, dan l-Abbozz għadu pendenti. Jirriżulta li kieku kellu jsir liġi, is-sitwazzjoni tmur mill-ħażin għall-agħar fuq diversi fronti.
Dan l-abbozz qiegħed saħansitra jipproponi użu aktar frewkenti ta’ din is-sistema billi jkun japplika wkoll għal pożizzjonijiet li jibqgħu vakanti wara diversi sejħiet. Minħabba li huwa l-gvern stess li jiddeċiedi dwar in-numru ta’ postijiet vakanti dan iqajjem iktar tħassib. Kif qal il-Kummissarju proposta bħal din isservi biss biex tippolitiċizza l-amministrazzjoni pubblika Maltija u tirriżulta f’aktar tnaqqis ta’ kondotta etika u l-livell tas-servizz. Barra minn hekk huwa ta’ l-iskantament li hemm d-diskrepanza bejn il-verżjoni Ingliża u dik Maltija f’dan l-abbozz. Fid-dawl tal-fatt li f’każijiet bħal dawn tipprevali l-verżjoni Maltija, ikun ifisser li l-membri kollha tas-segretarjat fil-ministeri ma jibqgħux taħt l-iskrutinju tal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Barra minn hekk, id-definizzjoni l-ġdida teskludi wkoll lil kull min ikun maħtur fuq bażi ta’ fiduċja u jkun ġej mis-servizz pubbliku. L-abbozz ta’ liġi ma jgħaddix ukoll minn perspettiva legali billi kuntrarjament għal dak li kien rakkomandat mill-Kummissjoni Venezja ma jaħsibx għal emendi Kostituzzjonali. Konsegwentement, il-liġi tista’ tiġi kontestata faċilment f’qorti. Iktar kemm il-gvern se jdum biex iwarrab dan l-abbozz, iktar se jkun diffiċli biex il-poplu hemm barra verament jieħdu bis-serjetà fuq din il-kwistjoni u fuq il-valur tal-meritokrazija.