Bħal dan iż-żmien sena Malta daħlet f’partial lockdown hekk kif faqqgħet il-pandemija COVID-19. Dan wassal biex ġiet iddikjarata emerġenza tas-saħħa pubblika. L-iskejjel, is-servizzi u l-ħwienet mhux essenzjali ingħalqu waqt li min iħaddem kien imħeġġeġ biex jipprovdi t-telework u n-nies kienu ordnati jibqgħu ġewwa. Barra minn hekk, il-portijiet ingħalqu biex ikun projbit d-dħul u l-ħruġ bl-ajru u bil-baħar. Anki funzjonijiet reliġjużi ġew sospiżi għall-ewwel darba mill-pesta tal-1813.

Għalkemm wieħed jista’ jargumenta li din kienet reazzjoni xi ftit esaġerata, fl-aħħar mill-aħħar l-importanti kien li s-sitwazzjoni nżammet taħt kontroll. Ix-xeni tat-twiebet u l-katavri jiġu ssiġillati fid-djar mill-belt Taljana ta’ Bergamo fejn il-pandemija għamlet ħerba, u wasslet għal kollass tas-servizz tas-saħħa, baqgħu f’moħħ kulħadd.  Fortunatament, Malta ma rajna xejn minn dan għax il-Gvern kien kawt b’riżultat li kienu salvati l-ħajjiet.

Iżda sena wara, is-sitwazzjoni preżenti bilkemm titwemmen. Minkejja li t-tilqima tal-COVID-19 ilha li bdiet tingħata tliet xhur, il-każijiet attivi u l-imwiet żdiedu bil-kbir. Bħal ma jgħid il-Malti, li tiżra taħsad. F’Ġunju li għadda id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kien iddikjara li Malta rebħet il-gwerra kontra Covid-19 – dikjarazzjoni li kienet tirrifletti t-tbassir ottimist iż-żejjed tal-Prim Ministru li baqa’ jirrepeti għal xhur sħaħ li konna se niġu lura għan-normalità fi żmien qasir.

Iżda r-realtà bdiet turi xejra oħra hekk kif in-numru tal-każijiet u l-imwiet qabdu rankatura ’l fuq. Il-Gvern minflok ħa l-pariri tal-esperti,  baqa’ jwebbes rasu u jakkuża lil kull minn beda jwissih biex jibdel ir-rotta, li kien qed ikun negattiv. Dan is-sens falz ta’ sigurtà kompla jiżdied meta bdiet tingħata t-tilqima. Barra minn hekk ċerti stqarrijiet mill-awtoritajiet tas-saħħa – li ma baqgħux bil-fakultà li jiddeċiedu huma għax tneħħiet l-emerġenza tas-saħħa pubblika – qanqlu ċertu mistoqsijiet. F’Jannar, l-awtoritajiet tas-saħħa iddikjaraw li l-ftuħ tal-iskejjel kien qed jgħin biex il-pandemija tinżamm taħt kontroll! Dikjarazzjoni bħal din qanqlet suspett ta’ ndħil politiku biex tingħata l-impressjoni li s-sitwazzjoni kienet taħt kontroll akkost li n-nies jiġu esposti għal riskji bla bżonn. Ma ninsewx li meta f’Jannar l-għalliema għamlu strajk, kienu akkużati mill-Gvern li qed jallarmaw lin-nies għalxejn. Iżda xahrejn wara, il-Gvern kellu jdoqq l-irtirata u jerġa’ jdaħħal kważi r-restrizzjonijiet kollha li kienu fis-seħħ is-sena li għaddiet. Flok ammetta li kienu żbalja, il-Gvern waħħal fil-varjant tar-Renju Unit.

Ħafna irrimarkaw li bqajna fejn konna – għamilna pass ’il quddiem biex sena wara morna lura. Iżda mhux għal kollox. Din id-darba l-ivvjaġġar bl-ajru u bil-baħar ma ġiex projbit, u ma ġiet iddikjarata l-ebda emerġenza tas-saħħa pubblika. Jidher li l-gvern ma għadu tgħallimx il-lezzjoni. Nittamaw li  x-xeni ta’ Bergamo jibqgħu biss memorja fil-bogħod.