Il-Kamra tad-Deputati sa fl-aħħar reġgħet lura wara l-itwal waqfa tas-sajf li qatt kien hemm fl-era ta’ wara l-Indipendenza. Bilkemm jitwemmen kif l-ogħla istituzzjoni tagħna eletta demokratikament tista’ tagħmel tliet xhur wieqfa. Kien l-Erbgħa 6 ta’ Lulju, meta l-Parlament aġġornata għat-Tnejn 3 ta’ Ottubru. Dan id-dewmien għall-vaganzi tas-sajf kien ħasad jekk mhux ixxokkja xi deputi, speċjalment dawk ta’ ċertu esperjenza. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar jibqa’ l-fatt li  ħadd ma lissen kelma pubblikament mistoqsija dwar għaliex id-deputati tagħna kellhom ħu waqfa daqshekk twila.

Filwaqt li spiss nisimgħu li l-parlament Malti huwa bbażat fuq il-mudell ta’ Westminster, dan mhux il-każ f’dan l-aspett. Jekk irridu nagħmlu paragun insibu li l-House of Commons din is-sena aġġornat għall-vaganzi tas-sajf fil-21 ta’ Lulju u rritornat fil-5 ta’ Settembru. Barra minn hekk, id-dati għall-vaganzi tal-Milied u ta’ Frar diġà tħabbru proviżorjament biex jagħtu lid-deputato l-opportunità li jippjanaw bil-quddiem. Min-naħa l-oħra f’Malta deċiżjonijiet bħal dawn huma prerogattiva assoluta tal-gvern.

Din hija biss waħda minn firxa vasta ta’ kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati jekk verament nemmnu li l-parlament tagħna għandu jaġġorna ruħu maż-żminijiet. S’issa, l-uniku progress li sar mit-twaqqif tas-sistema parlamentari tagħna fl-1921, huwa l-bini  nnifsu. Lil hinn minn dan, l-uniċi bidliet kienu fl-ispiża tal-pagi hekk kif in-numru ta’ membri parlamentari żdied għal kważi 90! – l-akbar proporzjon ta’ rappreżentanza parlamentari fl-UE.

It-triq li għandna quddiemna biex insaħħu d-demokrazija parlamentari tagħna hi li ntejbu f’termini ta’ trasparenza, responsabbiltà u nippromwovu livelli għolja ta’ mġieba etika. Sentejn ilu l-Kummissarju tal-Istandards ressaq sett ta’ rakkomandazzjonijiet biex jissaħħaħ il-kodiċi tal-etika u dwar kwistjonijiet bħall-revolving door policy, rigali u donazzjonijiet, lobbying, l-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni uffiċjali u kunflitti ta’ interess. Barra minn hekk, hemm lok għal titjib fil-mod kif issir id-dikjarazzjoni tal-assi u t-tip ta’ xogħol li d-deputati jistgħu jaċċettaw. Żgur li l-politika eżistenti li jkun hemm deputati fil-bordijiet u l-entitajiet tal-Istat iddgħajjef ir-responsabbiltà u tiskoraġġixxi l-iskrutinju pubbliku mill-backbench. Minħabba li din il-leġiżlatura għadha fil-bidu tagħha, dan iż-żmien opportun li jsir l-ewwel pass. Jekk se nkomplu ndumu u ma jsir xejn se tkompli titnaqqar il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema parlamentari tagħna. Ma ninsewx li fl-elezzjoni ġenerali tal-2022 porzjon sinifikanti tal-elettorat wassal messaġġ qawwi. 60,000 votant iddeċidew li ma jmorrux jivvotaw għax ħassew li l-għażliet li kellhom quddiemhom ma kienu joffru xejn ta’ valur.

Jekk verament nemmnu li ssir nsaħħu s-sistema Parlamentari tagħna, hemm ħafna x’jista’ jsir. Iżda dan kollu jeħtieġ impenn politiku bis-serjetà.