Sa tmiem l-2024, il-mobiles, it-tablets u l-kameras kollha mibjugħa fl-UE jrid ikollhom port tal-USB tat-Tip C. Mir-rebbiegħa tal-2026, dan l-obbligu se jiġi estiż għal-laptops. Il-liġi l-ġdida, adottata mill-plenarja b’602 voti favur, 13 kontra u 8 astensjonijiet, hija parti minn sforz tal-UE li jitnaqqas l-iskart elettroniku u li tingħata iżjed setgħa lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet aktar sostenibbli.

Bir-regoli l-ġodda, il-konsumaturi mhux se jkollhom bżonn charger differenti kull darba li jixtru apparat ġdid, billi se jkunu jistgħu jużaw charger wieħed għal firxa wiesgħa ta’ apparat elettroniku.

Ikun min ikun il-manifattur tagħhom, il-mobiles, it-tablets, il-kameras diġitali, il-headphones u l-headsets, il-consoles handheld tal-logħob u l-ispeakers portabbli, l-e-readers, it-tastieri, il-mice, is-sistemi ta’ navigazzjoni portabbli, l-earbuds u l-laptops ġodda kollha li jistgħu jiġu ċċarġjati b’wajer li jopera b’elettriku sa 100 Watt, irid ikollhom port tal-USB tat-Tip C.

L-apparat kollu li għandu l-faċilità li jiċċarġja malajr issa se jkollu l-istess veloċità tal-iċċarġjar. Dan jippermetti lill-utenti jiċċarġjaw l-apparat tagħhom bl-istess veloċità bi kwalunkwe charger kompatibbli.

Kwotazzjoni

Ir-rapporteur tal-Parlament Alex Agius Saliba (Grupp S&D, MT) qal: “Iċ-charger komuni fl-aħħar se jsir realtà fl-Ewropa. Stennejna aktar minn għaxar snin għal dawn ir-regoli, iżda fl-aħħar se nkunu nistgħu neħilsu mill-pletora attwali ta’ chargers li għandna. Din il-liġi ser tippermetti l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi tal-iċċarġjar fil-futur, u se tibbenefika lil kulħadd — mill-konsumaturi iffrustrati sal-ambjent vulnerabbli tagħna. Dawn huma żminijiet diffiċli għall-politika, iżda wrejna li l-UE għad għandha ideat u soluzzjonijiet biex ittejjeb il-ħajja ta’ miljuni ta’ nies fl-Ewropa u tispira partijiet oħra tad-dinja biex jagħmlu l-istess.”

Imħeġġa l-innovazzjoni teknoloġika

Waqt li l-iċċarġjar mingħajr wajer qed isir aktar prevalenti, il-Kummissjoni Ewropea se jkollha tarmonizza l-ħtiġijiet tal-interoperabbiltà sa tmiem l-2024, biex tevita li jkun hemm impatt negattiv fuq il-konsumaturi u l-ambjent. Dan se jwaqqaf ukoll l-effett teknoloġiku msejjaħ ‘lock-in’, meta konsumatur isir dipendenti fuq manifattur wieħed.

Informazzjoni u għażla aħjar għall-konsumaturi

Tabelli apposta se jinfurmaw lill-konsumaturi dwar il-karatteristiċi tal-iċċarġjar tal-apparat il-ġdid, u b’hekk jagħmluha aktar faċli għalihom biex jaraw jekk iċ-chargers eżistenti tagħhom humiex kompatibbli. Il-bejjiegħa se jkunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata wkoll dwar jekk għandhomx jixtru apparat tal-iċċarġjar ġdid meta jixtru prodott ġdid.

Dawn l-obbligi l-ġodda se jwasslu għal aktar użu mill-ġdid ta’ chargers u se jgħinu lill-konsumaturi jiffrankaw sa €250 miljun kull sena fuq xiri bla bżonn ta’ chargers. Chargers mormija u mhux użati jammontaw għal madwar 11,000 tunnellata ta’ e-skart kull sena fl-UE.