“Paceville bil-mod il-mod qed isir red light district” – il-Viċi Sindku ta’ San Ġiljan
F’Paceville il-kriminalita’ żdiedet. L-aħbarijiet u stejjer li smajna f’dawn l-aħħar jiem jikkonfermaw il-biżgħat dwar il-kriminalita’ mhux biss mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan imma anki tal-ġenituri.
F’intervista ma’ Voice of the Workers, Albert Buttigieg, il-Viċi Sindku ta’ San Ġiljan fisser il-problemi u l-inkwiet li qed iħabbat wiċċu l-Kunsill tal-lokalita’ fosthom ir-rata ta’ reati kriminali li qiegħda dejjem tiela’.
“Il-ġenituri jinkwetaw meta uliedhom jgħidulhom li jridu jmorru Paceville”, sostna l-Viċi Sindku ta’ San Ġiljan.
Hu stqarr li Paceville inbidel u qed jonqos milli jkun post ta’ divertiment tant li bil-mod il-mod qed isir red light district. Hu fisser li l-problema tad-droga u l-abbuż minnha hi reali u ma nistgħux nibqgħu ninħbew wara subgħajna. Albert Buttigieg jgħid li l-fatt li l-Pulizija żiedet il-preżenza tagħha mhux qed ikun biżżejjed u jtenni li “jista’ jkun li l-infurzar tal-liġi mhux qed ikun applikat bix-xieraq”.
“Paceville għandu bżonn Master Plan li ma jaġevolax lill-ftit u jwarrab lill-ħafna”
“Iva, naħseb li l-kriminalita’ żdiedet għax, l-ewwel u qabel kollox, ir-reati kriminali fil-pajjiż żdiedu – allura Paceville mhux eċċezzjoni”, qal Albert Buttigieg, filwaqt li żied li “hemm kriminalita’ li ma tiġix rappurtata”. Hu qal li nies fis-sakra, nies mitluqin mal-art jew reqdin fuq il-bankini jew fil-parapetti tar-residenti huma sitwazzjonijiet komuni f’Paceville fi tmiem il-ġimgħa. Tali azzjonijiet, għalkemm mhumiex illegali, huma meqjusin inaċċettabbli.
F’Paceville hemm diversi nuqqasijiet li jridu jiġu indirizzati mill-aktar fis. Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ilu jisħaq fuqhom mal-Gvern preżenti u mal-Gvern taħt amministrazzjoni preċedenti għal ħafna snin, iżda għadu ma ngħatax widen jew mhux qed jingħata l-attenzjoni tant meħtieġa.
Il-fatt li Paceville żviluppa fi ‘splużjoni’ ta’ attivita’ kummerċjali u m’għandux Għassa tal-Pulizija hu aspett li għandu jingħata prijorita’. Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan japprezza x-xogħol kbir li jagħmlu l-pulizija stazzjonati fl-Għassa ta’ San Ġiljan. “Imma dawn iridu jlaħħqu mal-Balluta, ma’ Spinola u ma’ Paceville fi tmiem il-ġimgħa…..jeħtieġ li Paceville ikollu Għassa tal-Pulizija li speċifikament taqdi l-bżonnijiet tal-lokalita’”, sostna Albert Buttigieg.
Il-Viċi Sindku ta’ San Ġiljan esprima appoġġ u solidarjeta’ mal-pulizija li jkunu fuq ronda f’Paceville fi tmiem il-ġimgħa u stqarr li dawn għandu jkollhom post fejn jistrieħu u li jkun punt ta’ referenza għal min irid jirrikorri għall-għajnuna jew jinqeda minn xi servizz. “Kultant il-punt ta’ referenza jkun fil-bars u din titqies bħala familjarita’ żejda mas-sidien tal-bars”, sostna Albert Buttigieg filwaqt li hu azzarda jgħid li xi kultant ikun hemm waqtiet fejn il-pulizija jistgħu jaqbżu l-limitu ta’ familjarita’ bejn il-pulizija liebes l-uniformi u s-sid tal-bar.
Il-Viċi Sindku ta’ San Ġiljan fisser li Paceville għandu bżonn latrina pubblika kif ukoll klinika. Hu spjega li riċentament saru attivitajiet marbutin ma’ San Patrizju u 30 mobile toilet ma kinux biżżejjed biex ilaħħqu ma’ attendenza ta’ madwar 30,000 persuna.
Barra minn hekk mhux l-ewwel darba li kien hemm inċidenti jew ġlied taħt l-effett ta’ l-alkoħol jew saħansitra ikun hemm min ikun taħt l-effett ta’ xi sustanzi illegali u allura jkollu bżonn l-għajnuna. Il-preżenza ta’ klinika hi kruċjali sabiex tali sitwazzjonijiet ikunu indirizzati. “Ġieli rajna ambulanza imma din mhix biżżejjed; irid ikun hemm struttura permanenti b’tim paramediku biex jagħti l-Ewwel Għajnuna.
“Jeħtieġ li tingħata attenzjoni lir-residenti għax mhux dejjem ingħataw ir-rispett”
Albert Buttiġieġ saħaq li fuq kollox Paceville għandu bżonn Master Plan li ma jaġevolax lill-ftit u jwarrab lill-ħafna. Il-Master Plan irid jinkludi lil dawk kollha li huma involuti fil-lokalita’, jiġifieri, il-komunita’ kummerċjali, ir-residenti, il-Kunsill Lokali u l-Gvern Ċentrali. Dawn l-entitajiet għandhom jiltaqgħu u jiddiskutu l-esiġenzi u n-nuqqasijiet ta’ Paceville. “Jeħtieġ li naqbdu ‘il-barri minn qrunu u nagħmlu verament pjan ħolistiku li jħares l-interessi ta’ kulħadd”, saħaq il-Viċi Sindku ta’ San Ġiljan. Hu stqarr li l-għajta hemm barra hi li Paceville qed isir ‘sit wieħed ta’ kostruzzjoni’. “Pender Gardens ilhom telgħin disa’ snin, issa se jkun hemm Mercury House, se jkun żvilupp flok Villa Rosa u dawn se jieħdu ż-żmien biex ix-xogħolijiet fuqhom jintemmu”.
Hu saħaq li l-infurzar tal-liġi f’Paceville għandha tiġi applikata bis-serjeta’. “Mhux ġust għall-ftit residenti, li għadhom jgħixu fil-lokalita’, li jkunu skjavi jew priġunieri tan-nies li jiffrekwentaw iz-zona”, kompla l-Viċi Sindku. Albert Buttigieg irrefera u fl-istess ħin sellem lir-residenti, partikularment ta’ Ross Street, li f’kull tmiem il-ġimgħa jħallu djarhom u jmorru joqogħdu għand uliedhom għax ma jistgħux jorqdu bil-mużika qawwija u vibranti sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu, jew inkella jibqgħu mjassra fir-residenzi tagħhom għax ma jistgħux joħorġu bil-kwantita’ tan-nies u bil-karozzi pparkjati fuq il-bankini.
“Jeħtieġ li tingħata attenzjoni lir-residenti għax mhux dejjem ingħataw ir-rispett u d-dinjita’ mistħoqqa”, żied jgħid Albert Buttigieg.
Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ma tantx jiġi kkonsultat dwar Paceville. Bħalissa qed jiġi diskuss il-ħsieb li jinħoloq kumitat li jiġi fuq il-kunsill bid-detriment li jkun hemm ħafna kaptani. Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan dejjem insista li l-kunsill hu elett mill-poplu skont il-Liġi tal-Kunsilli Lokali, u għandu jkun hu li joħroġ u japprova ċertu proposti jew regolamenti.
Il-Viċi Sindku ta’ San Ġiljan qal li l-Gvern jgħin f’numru ta’ affarijiet bħalma huma t-tindif u l-ġbir ta’ l-iskart iżda dan mhux biżżejjed. Hu qal li fid-dawl tal-fatt li San Ġiljan hu l-aktar lokalita’ bl-akbar numru ta’ lukandi, il-fond li jinġabar mill-bed tax għandu jiġi investit fiz-zoni ta’ San Ġiljan u Paceville. Jekk dan il-fond ma jkunx investit kollu, il-Kunsill Lokali almenu jieħu perċentwal minnu. “Mhux sew li nieħdu l-għadma u ma niħdux il-laħam tagħha”, sostna l-Viċi Sindku. Albert Buttigieg stqarr li rridu ninvestu wkoll f’ambjent turistiku għax it-turisti ma joqogħdux biss fil-lukandi imma tismagħhom igergru fuq l-istat tal-bankini, fuq l-istorbju u fuq it-trabijiet.
“Hu fl-interess tagħna li aħna niġu kkonsultati u naħseb li l-Kunsill ta’ San Ġiljan jista’ jagħmel aktar jekk il-Gvern jagħtih l-ispazju u r-riżorsi….ma jfissirx li m’għandniex imma ma naħsibx li huma biżżejjed”, temm jgħid Albert Buttiġieg.