Iż-żgħażagħ huma l-futur tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea. Filwaqt li policies Ewropej addattati għaż-żgħażagħ bħal Youth Strategy jipprovdu qafas b’saħħtu għal kooperazzjoni, fl-aħħar mill-aħħar hi r-responsabbilta’ tal-istati membri li jifformulaw, iwaqqfu u jimplimentaw il-policies tagħhom dwar iż-żgħażagħ. 

Sabiex ikun faċilitat il-qsim tal-informazzjoni u l-aħjar prattiċi f’tali oqsma, l-Unjoni Ewropea ħolqot l-Youth Wiki website. Il-Youth Wiki tista’ tiġi mfissra bħala l-enċiklopedija fuq l-internet tal-Ewropa fil-qasam ta’ policies nazzjonali taż-żgħażagħ. Il-pjattaforma hi database komprensiva ta’ strutturi nazzjonali, policies u azzjonijiet li jappoġġjaw liż-żgħażagħ. Tkopri t-tmien oqsma ta’ azzjoni identifikati fl-Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ 2010-2018: l-edukazzjoni u t-taħriġ, ix-xogħol u l-intrapriża, is-saħħa u l-ħarsien, il-parteċipazzjoni, attivitajiet volontarji, l-inklużjoni soċjali, iż-żgħażagħ u d-dinja, u l-kreattivita’ u l-kultura.  

Il-kontenut tal-Youth Wiki hu msawwar minn prijoritajiet ta’ politika stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Istati Membri fil-qafas tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ. 

B’mod partikulari, hu żviluppat bl-iskop li jappoġġja impenji prinċipali fuq livell Ewropew u żviluppi fil-politika għall-oqsma ta’ azzjoni identifikati fl-Istrateġija tal-UE dwar ż-Żgħażagħ.