Ostakli għax-xogħol f’reġjuni mal-fruntieri
Il-mobbilta’ tax-xogħol minn fruntiera għal oħra żdiedet maż-żmien, iżda ħaddiema li jaqsmu minn fruntier għal oħra jibqgħu proporzjon żgħir (madwar 0.9 fil-mija) tal-ħaddiema kollha fl-Ewropa. L-ogħla rati ta’ moviment bejn fruntiera u oħra huma kkonċentrati madwar l-Ewropa ċentrali, b’reġjuni mal-fruntieri li jkopru t-Tramuntana ta’ Franza, il-Belġju, l-Olanda u l-Lussemburgu, il-Ġermanja u l-Isvizzera, kif ukoll fruntieri fis-Slovakkja, l-Ungerija, is-Slovenja u l-Kroazja.
Il-fatturi prinċipali għall-moviment bejn fruntiera u oħra jinkludu kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi kumplimentari, fejn id-differenzi f’salarji tajbin u opportunitajiet ta’ xogħol li jaqblu mal-ħiliet ta’ ħaddiema prospettivi huma disponibbli matul il-fruntiera. Fatturi addizzjonali jinkludu aspetti prattiċi ta’ moviment bejn fruntiera u oħra, inkluż rabtiet prattiċi tat-trasport u għażliet f’housing affordabbli.
Ir-riċerka turi kunsens wiesa’ fuq serje ta’ ostakli għall-ħaddiema li jaqsmu minn fruntiera għal oħra. Dawn huma ħafna u relatati ma’ xulxin u jinkludu nuqqas ta’ informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ xogħol; kwalifiki li mhumiex trasferibbli; differenzi fil-lingwa u dawk soċjo-kulturali; u differenzi fis-sigurta’ soċjali, il-pensjoni u sistemi ta’ tassazzjoni bejn il-pajjiż fejn wieħed jaħdem u l-pajjiż fejn wieħed jgħix. Nuqqas ta’ fiduċja bejn in-naħat differenti tal-fruntiera u nuqqas ta’ rieda mill-awtoritajiet pubbliċi biex jaħdmu flimkien wkoll ġew imsemmija bħala ostakli.
Għalkemm ebda ġerarkija definittiva ta’ ostakli ma ġiet identifikata billi wieħed iħares lejn tagħrif disponibbli fuq is-suġġett, in-natura mifruxa tal-lingwa tipponta lejha bħala ostaklu partikulari, minħabba l-impatt biex jintensifika ħafna tipi oħrajn ta’ ostakli. Fuq livell Ewropew, inizjattivi, legali, politiċi u operattivi tnidew sabiex ikun faċilitat il-moviment ħieles tal-ħaddiema inkluż il-mobbilta’ bejn fruntiera u oħra, bil-EURES imnedija fl-1993 u l-Programm Erasmus Plus li dan l-aħħar iċċelebra t-30 sena mindu twaqqaf.
Inizjattivi oħrajn jinkludu, YOUR EUROPE, il-Qafas Ewropew dwar il-Kwalifiki, il-Proċess ta’ Bologna u l-Qafas Trans-Ewropew għat-Trasport, ilkoll jikkontribwixxu sabiex il-moviment bejn fruntiera u oħra jkun faċilitat.