Opportunitajiet ta’ fondi mill-UE permezz tal-Fond Soċjali Ewropew
Il-Fond Soċjali Ewropew (ESF) huwa l-programm prinċipali tal-UE biex jappoġġja l-impjiegi, jgħin lin-nies biex jiksbu xogħol aħjar u jassigura opportunitajiet ġusti ta’ xogħol għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Il-programm allura jiffoka fuq ix-xogħol, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-bini tal-kapaċità.
Il-programm ESF jiffinanzja il-Programm Operattiv II ta’ Malta għall-perijodu 2014 – 2020, bit-titlu: Investiment fil-kapital uman biex jinħolqu aktar opportunitajiet u jissaħħaħ il-ħarsien tas-soċjetà. Bħalissa, hemm sejħa miftuħa għall-applikazzjonijiet taħt dan il-programm, liema sejħa se tikkontribwixxi għal dawn il-prijoritajiet li ġejjin: PA 2 – Lejn soċjetà iżjed inklussiva, u PA4 – Il-bini tal-kapaċità amministrattiva istituzzjonali.
PA2 timmira biex tappoġġja miżuri li jgħinu lill-individwu biex jirrealizza l-potenzjal tiegħu/tagħha u jassisti lil persuni vulnerabbli biex jagħmlu suċċess fil-futur tagħhom.
PA4 timmira biex tappoġġja miżuri li jgħinu lill-partijiet interessati biex jiksbu l-esperjenza neċessarja u l-għarfien ħalli jipparteċipaw b’mod attiv fid-djalogu soċjo-ekonomiku li jwassal għal proċess imsaħħaħ u iżjed effettiv fit-tfassil tal-policies.
L-ammont finanzjarju massimu għal din is-sejħa kull proġett hu ta’ €100,000 – dan jeskludi l-20 fil-mija fis-sehem tal-ko-finanzjar li jkun finanzjat mill-benefiċjarju.
Id-data tal-għeluq biex wieħed jippreżenta proposta hija t-30 ta’ Settembru 2020.
Jekk jogħġbok ikkuntattja lil MEUSAC fuq 2200 3300 jew b’email fuq info.meusac@gov.mt għall-assistenza biex tkun żviluppata proposta għall-applikazzjoni ta’ din is-sejħa.