Opportunitajiet ta’ fondi dwar ix-Xogħol u l-Innovazzjoni Soċjali għall-2020
Bl-għajnuna tal-programm Xogħol u Innovazzjoni Soċjali (EaSI), l-UE tfittex li tippromwovi livell għoli ta’ kwalità u xogħol sostenibbli, li jiggarantixxi protezzjoni soċjali adekwata u diċenti, li tiġġieled l-esklużjoni soċjali u l-faqar kif ukoll ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol.
L-EaSI hi mmexxija direttament mill-Kummissjoni Ewropea u wħud mill-objettivi tagħha jinkludu: (i) Appoġġ għall-iżvilupp ta’ sistemi adekwati tal-ħarsien soċjali u policies dwar is-suq tax-xogħol; (ii) Iżżid id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-microfinance għal gruppi vulnerabbli u micro-enterprises, u żżid l-aċċess għall-finanzi għall-intrapriżi soċjali; u (iii) tippromwovi l-mobbiltà ġeografika u ssaħħaħ l-opportunitajiet tax-xogħol billi jkun żviluppat suq tax-xogħol miftuħ.
Riċentament, il-Kummissjoni Ewropea addottat il-programm tax-xogħol annwali għall-għotjiet u l-akkwist għal EaSI 2020, biex tfassal il-prijoritajiet tal-programm għas-sena d-dieħla. Dawn il-prijoritajiet huma l-promozzjoni ta’ livelli tax-xogħol u livelli internazzjonali, biex tassigura ambjent ta’ xogħol ħieles mill-periklu, il-ħolqien tax-xogħol permezz ta’ intrapriża soċjali u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
Matul l-2020 numru ta’ sejħiet differenti għall-proposti se jkun pubblikat biex jiffoka fuq il-prijoritajiet imsemmija inkluż sejħa għall-proposti dwar l-innovazzjoni soċjali. L-iskop ta’ din is-sejħa għall-proposti hu biex ikunu provduti l-fondi għall-proġetti pilota li jittestjaw modi integrati u innovattivi biex jindirizzaw l-esklużjoni soċjali.
Jekk trid aktar informazzjoni dwar il-programm EaSI jew dwar xi programm Ewropew ieħor fuq il-fondi, ikkuntattja lill-MEUSAC fuq info@meusac.gov.mt jew inkella ċempel fuq 22003300.