Noqogħdu attenti mill-prevalenza tal-media soċjali
Il-media soċjali, bla dubju ta’ xejn, saret aspett importanti tas-soċjeta’ moderna.
Riċerka riċenti li saret minn speċjalisti Ingliżi fl-IT turi li fis-soċjeta’ tal-lum, 92 fil-mija taż-żgħażagħ ikunu fuq l-internet kuljum, u 71 fil-mija jużaw aktar minn qafas soċjali wieħed. B’kollox, 31 fil-mija tal-popolazzjoni dinjija jagħmlu użu mill-media soċjali.
Hekk kif il-media soċjali għadha relattivament kunċett ġdid, għadu mhux ċar x’jistgħu jkunu l-implikazzjonijiet immedjati jew tal-futur. It-terminu ‘vizzju’ sar spiss jiġi applikat għal dawk in-nies li għandhom drawwiet ferm kbar fl-użu tal-media soċjali.
Ir-riċerka turi li hemm 1.23 biljun persuna li jidħlu fuq Facebook kuljum għal medja ta’ 17-il minuta. 18 fil-mija tal-parteċipanti, li ġew intervistati fi studju, irrappurtaw li ma jgħaddux mingħajr il-qafas soċjali tagħhom sabiex jaġġornaw ruħhom. Kull sekonda qed ikun hemm medja ta’ 4.17 miljun like u aġġornament ta’ 293,000 status.
Jekk in-nies qed jużaw il-media soċjali f’numri rekord u m’hemm ebda sinjal li dawn inaqqsu fl-andament tagħhom, allura għal x’hiex qed tintuża?
Skont informazzjoni ġdida li nġabret, iż-żmien li nixegħlu t-televiżjoni sabiex naraw l-aħbarijiet kmieni filgħodu dalwaqt nistgħu nroddulu salib. 85 fil-mija ta’ dawk intervistati li jużaw il-media soċjali qalu li jirrikorru għal Twitter u Facebook għall-aħbarijiet tagħhom meta jqumu filgħodu. 68 fil-mija ta’ dawk li twieldu wara l-1982, b’mod partikulari, jikkunsmaw ħafna mill-aħbarijiet tagħhom permezz ta’ Facebook; 83 fil-mija ta’ dawk li qed ifittxu mpjieg jinsabu fuq Facebook, 40 fil-mija fuq Twitter u 36 fil-mija fuq LinkedIn.
Illum il-ġurnata jagħmel sens għal kumpaniji li jirreklutaw lin-nies permezz tal-media soċjali. Skont l-aħħar rapporti, kważi 75 fil-mija ta’ reklutaġġ b’suċċess sar permezz tal-media soċjali. Sabiex jintlaħqu persuni ta’ 45 sena jew akbar, il-Facebook u LinkedIn huma l-aktar pjattaformi effiċjenti. Madankollu, xi żgħażagħ, (bejn it-18 u d-29 sena) qed iduru għal Twitter sabiex jippromwovu l-ħiliet tagħhom u d-dispożizzjoni tagħhom għax-xogħol.
X’konklużjoni nistgħu noħorġu wara dan kollu? Ir-realta’ hi li l-impatt tal-media soċjali hu profond. L-aħbarijiet li smajna u li qed nisimgħu, partikularment, dwar Cambridge Analytica jqajmu xi ftit jew wisq tat-tħassib. Jekk titħalla mingħajr filtri, il-media soċjali tista’ tikkostitwixxi theddida lil kull soċjeta’ immexxija mis-saltna tad-dritt. L-esperti legali, il-gwardjani tas-saltna tad-dritt, għandhom jistinkaw sabiex jassiguraw li tali theddid ma jseħħx. Id-distinzjoni, bejn fatt u dak li mhux, hi kritika mhux biss għall-avukati imma wkoll għal kulħadd f’soċjeta’ ħielsa.