Nistinkaw għal futur aħjar
Forsi kien hawn min li fil-passat kien jgħid li s-seklu 21 jinsab ‘il bogħod. Ideat żviluppaw ruħhom fi proġetti, f’iniżjattivi u f’policies f’oqsma politiċi, ekonomiċi, ambjentali u soċjali. Mexxejja ta’ pajjiżi, negozjanti, industrijalisti u imprendituri ħasdu l-frott tagħhom u stagħnew fil-poter u fil-ġid. Il-maġġoranza ta’ dawn in-nies gawdew minn fuq is-suċċessi tagħhom mingħajr ma taw kas ta’ x’jistgħu jkunu r-riperkussjonijiet fil-futur.
Ninsabu fis-sena 2020. Taħsbu li l-popli u min imexxihom huma ppreparati għall-futur? L-aħbarijiet li naraw jew nisimgħu ma jindikawx dan fl-affermattiv. Il-faqar qed jiżdied, id-distakk bejn is-sinjur u l-vulnerabbli qed jikber, qed joktru n-nies bla saqaf fuq rashom, il-prekarjat baqa’ jgħolli rasu, il-prezzijiet tal-kirjiet għadhom għoljin, u l-bidla fil-klima qed tagħmel tagħha. .
Il-problemi huma komuni madwar id-dinja, inkluż f’Malta. Jidher li d-dinja qed tilħaq il-limiti tagħha, ekonomikament, ambjentalment u soċjalment. X’nistgħu nagħmlu? Nistgħu nikkoreġu l-iżballji li saru u li qed isiru filwaqt li ntejbu t-tajjeb eżistenti.
Wasal iż-żmien li bis-serjetà naħsbu fuq il-ġejjieni tal-għixien tal-bniedem. Għandu jkollna mira stabbilita: li nipproponu soluzzjonijiet minn firxa wiesgħa ta’ oqsma kif ukoll infasslu ideat kostruttivi u realistiċi. Kif jistgħu jkunu x-xogħol, it-trasport, il-komunikazzjoni, is-saħħa u s-soċjetà fil-futur? Kif nistgħu ntejbu dawn is-setturi?
Għalkemm diġà jeżistu ideat promettenti għall-bidliet, irridu nammettu li s’issa għadna ma solvejnhiex il-problemi ambjentali u soċjali kbar.
Il-futur huwa issa. Neħtieġu ideat ġodda u realistiċi. Irridu politiċi, viżjonarji, planners urbani, esperti tal-biedja u ħassieba laterali li jgħidu tagħhom dwar kif għandhom ikunu l-aħjar strutturi u soluzzjonijiet għal ġejjieni aħjar.