Il-bidliet fid-dinja tax-xogħol huma inevitabbli imma dawn qed jaċċelleraw b’ċertu ritmu li sempliċiment m’aħniex mgħammra biżżejjed biex naddattaw għalihom malajr. 

Bla dubju, il-profitt jibqa’ l-aktar inċentiv b’saħħtu għal ħafna postijiet ta’ xogħol. Il-kumpaniji se jibqgħu jinvestu f’teknoloġiji ġodda sabiex inaqqsu l-ispejjeż u jżidu l-effiċjenza.  

Il-kultura tal-lum, li qed inkunu dipendenti mit-teknoloġija, qed iżżid fl-istress. Jeħtieġ li l-ħaddiema jkunu megħjuna biex jirnexxu f’din id-dinja diġitali. Pajjiżi bħal Franza diġà irreaġixxew għal dan  ir-riskju tant li ddaħħlet liġi li tagħti dritt lill-ħaddiema f’postijiet tax-xogħol li jħaddmu aktar minn 50 persuna, biex jiddiskonnettjaw mid-dipendenza tat-teknoloġika. 

Postijiet tax-xogħol, li jpoġġu lill-bniedem fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom, joħolqu prattiċi ġodda li jagħmluha possibbli għall-ħaddiema tagħhom sabiex ikunu kreattivi u jagħtu iżjed kontribut minn qatt qabel filwaqt li jistinkaw biex jagħtu servizz aħjar. 

Fil-kuntest  ta’ inugwaljanzi li niltaqgħu magħhom fis-suq tax-xogħol, il-ħaddiema  huma l-assi kritiċi li verament jagħmlu differenza fil-post tax-xogħol. Jeħtieġ li nifhmu kif għandna nisfruttaw it-teknoloġija biex inżidu l-kapaċitajiet umani uniċi tagħna – il-kreattivita’, l-empatija, l-innovazzjoni, il-komunikazzjoni, il-kuntatt – u l-liberta’ biex nużawhom fil-post tax-xogħol.  

L-Intelliġenza Artifiċjali, ir-robotika, id-diġitalizzazzjoni, l-użu tal-media soċjali kuljum u l-kuntatt dinji qegħdin hawn biex jibqgħu; imma anki din ir-realta: il-postijiet tax-xogħol huma fl-aħħar mill-aħħar grupp ta’ persuni li jaħdmu u jiddeċiedu flimkien. Is-sistema organizzattiva effettiva mhix biss waħda mekkanizzata ta’ investiment kapitali. Hija sistema  umana li tiddependi ħafna mill-kapaċitajiet umani uniċi. Allura, kollettivament, it-talent uman huwa tabilħaqq prezzjuż. 

Is-suċċess fix-xogħol jiddependi milli naddattaw għall-bidliet, ikun hemm aktar kollaborazzjoni fost il-ħaddiema u jsir investiment fl-attributi uniċi tagħhom. L-aktar żewġ ħiliet essenzjali f’din id-dinja moderna huma l-kreattivita’ u l-empatija. Il-postijiet tax-xogħol iridu jinsistu fuqhom għax dawn il-kwalitajiet umani ma jistgħux jiġu awtomatizzati.