Meta naraw kif il-bidla fil-klima qed tħalli lis-sigurta’ tal-ikel tagħna, u lilna lkollimdendlin fin-nofs, wasal iż-żmien biex nieqfu naġixxu qisu d-dinja hija xi maħżen bla qiegħ ta’ affarijiet tajbin. 

Li wieħed jitħasseb hu x’aktarx l-aktar reazzjoni ottimista għall-messaġġ li qed iwassal rapport dwar il-bidla tal-klima u l-art ippubblikat  mill-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC). Dan ir-rapport jgħid kif il-kriżi tal-klima qed taffettwa l-art li fuqha aħna niddependu għall-għajxien tagħna. “Inkwetanti” hija kelma oħra li tiġi f’moħħ min hu sensibbli. 

Ir-rapport tal-IPCC ma joqgħodx idur mal-lewża dwar il-fatt li aħna, kollettivament u b’mod individwali, nistgħu nbatu jekk ma naċċettawx u ma nindirizzawx l-impatt li l-bidla fil-klima qed tħalli fuq artna. 

Mhux biss qed tkun imbassra inċidenza dejjem tiżdied ta’ nuqqas fl-ilma u nixfa kbira – fatturi li  jwasslu biex in-nies iħallu pajjiżhom għal art iżjed għammiela kif ukoll iwasslu għall-konflitt – imma għall-insigurta’ fl-ikel li tirriżulta minn estremitajiet fit-temp li jfixklu l-provvisti tal-ikel, ikun hemm tnaqqis fil-ġabra  ta’ prodotti agrikoli u wċuh tar-raba’ li jispiċċaw fqar min-nutrijenti. 

Tista’ tinqara qisha xi xena mill-apokalissi, iżda forsi din hija t-tbeżbiża li rridu nieħdu. Matul dan is-sajf, temperaturi għoljin kienu rappurtati f’pajjiżna u f’ħafna pajjiżi oħrajn fl-Ewropa, xi residenti kellhom waqfien mill-provvista tal-ilma u l-bdiewa forsi lmentaw minħabba problemi fl-għelieqi tagħhom. 

Trid tkun maqtugħ mir-realta’ biex ma titħassibx fuq dawn  l-affarijiet. Madankollu, issib min ma jagħtix kas u l-aqwa li jmur sas-supermarket u jixtri dak kollu li jrid mingħajr ma jaħseb f’liema stat jinsabu l-artijiet tagħna. 

Allura xi rridu nagħmlu? Ir-rapport tal-IPCC jisħaq fuq diversi rakkomandazzjonijiet għal min jagħmel il-politika. Waħda minnhom hi tmexxija aħjar tal-art – ‘aħjar’ fis-sens li jintuża dak li l-id tal-bniedem diġa’ ikkultivat għal produzzjoni massima u sostenibbli; ‘aħjar’ biex ikun  hemm prevenzjoni tal-qerda tal-art u tingħata għajnuna biex il-ħamrija dgħajfa terġa’ tingħata l-ħajja. Imma s-soluzzjonijiet ma jiqfux hemm. 

Wasal  ukoll iż-żmien biex nieqfu naqtgħu s-siġar, żmien biex nieqfu nġibu ruħna qisu l-pjaneta tagħna għadha toffri ħafna affarijiet tajbin għalina lkoll. 

Il-IPCC jagħmilha ċara li rridu tassew nindirizzaw il-kriżi tal-klima u nifirxu t-triq għal żmien ta’ sostenibbilta’ jew  inkella naffaċċjaw ġejjieni fejn l-ikel u l-iskarsezza fl-ikel isiru realta’ qarsa  għal partijiet kbar tal-popolazzjoni  dinjija. 

L-istess rapport ukoll jissuġġerixxi li lkoll kemm aħna nistgħu nikkontribwixxu biex nevitaw xi diżastru u dan billi nnaqqsu mill-konsumiżmu  u nassiguraw li ma naħlux l-ikel li  nixtru.