Hekk kif aktar organizzazzjonijiet qed jikkunsidraw jew jintroduċu sistemi dwar ir-rikonoxximent tal-wiċċ fi spazji pubbliċi, il-Kummissjoni Ewropea qed tikkunsidra liġijiet li jistgħu jagħtu drittijiet liċ-ċittadini fuq tagħrif abbinat  mar-rikonoxximent tal-wiċċ. 

Hemm mistoqsijiet dwar il-kapaċitajiet ta’ software dwar il-verifika tal-identita’ tal-wiċċ u xi jfisser għas-sigurta’ u l-privatezza tal-konsumatur, meta dan ikun użat għas-sigurta’ u l-awtentiċita’ kif ukoll fil-media soċjali u r-reklamar. 

Jekk jikkunsidraw dawn, il-kumpaniji fl-Ewropa diġa’ suppost għandhom  jegħlbu numru ta’ ostakli sabiex tkun  installata teknoloġija legali li tirrikonoxxi l-wiċċ (FRT). 

Il-General Data Protection Regulation (GDPR) tipprojbixxi l-ġabra ta’ data bijometrika sensittiva li tista’ tkun użata biex tidentifika lin-nies. Regolamenti ġodda li qed ikunu kunsidrati jistgħu jimmiraw biex “jistabbilixxu livell dinji għar-regolamentazzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali”. 

Gus Tomlinson, il-kap tal-istrateġija f’GBG, qal: “Ir-regolamentazzjoni hija essenzjali għas-suċċess tar-rikonoxximent  tal-wiċċ, biex tassigura li l-organizzazzjonijiet u l-gvernijiet kollha jkunu responsabbli u trasparenti bl-użu tagħhom tat-teknoloġija. Il-konsumaturi jeħtieġu protezzjoni u jridu jkunu jafu drittijiethom, iżda r-regolamenti ma jridux ixekklu l-innovazzjoni u l-progress bir-rikonoxximent tal-wiċċ”. 

Debbie Heywood, avukat fil-grupp IP/IT mad-ditta internazzjonali tal-avukati TaylorWessing, qal: “M’hemmx  dubju tal-GDPR tintroduċi ostakli ġodda għall-kontrollur tad-data ta’ data personali. F’ċertu ċirkostanzi, il-liġi se tirrestrinġi dak li t-teknoloġija hi kapaċi li tagħmel. 

“Dan jista’ jkun frustranti għan-negozjanti imma tabilħaqq hija ħaġa tajba għall-privatezza personali tagħna. Dawk li jixtiequ jużaw il-FRT iridu joqogħdu attenti biex jimxu mal-aspetti rilevanti kollha tal-GDPR u biex jimminimizzaw ir-riskju, inkluż t-twettiq ta’ DPIA u sabiex il-proċeduri neċessarji dwar is-sigurta’ u ż-żamma jkunu f’posthom”.