Nippromwovu l-ħajja mill-konċepiment
Jekk ilkoll ngħidu li aħna nsara, għandna d-dmir u r-responsabbilta’ li nippromwovu kultura ta’ ħajja u nistinkaw li nbiddlu s-soċjeta’ f’waħda li verament tirrispetta u tħaddan il-ħajja umana mill-konċepiment sal-mewt.
It-tagħlim tal-mibki Papa Ġwanni Pawlu II jgħidilna li bħala Kattoliċi jeħtieġ li nkomplu nedukaw lilna nfusna. Qatt ma nistgħu ngħidu li nafu kollox. Irridu nissoktaw nikbru fl-għerf.
Il-Knisja Kattolika tħeġġeġ biex nifformaw il-kuxjenza tagħna fl-imħabba u l-verita’ sabiex nesperjenzaw il-ferħ. Sabiex nibnu kultura dwar il-ħajja, il-Kattoliċi għandhom jifformaw il-kuxjenzi tagħhom u dejjem jagħżlu l-ħajja u d-dinjita’ tal-persuna umana.
Waħda mill-isfidi fid-dinja moderna u mqallba tal-lum hi l-promozzjoni tal-kultura tal-ħajja fis-soċjeta’. Illum l-insara fl-arena politika huma xi ftit jew wisq aktar leali lejn il-pjattaformi tal-partiti politiċi tagħhom u l-partiġjaniżmu, milli lejn il-fidi lejn ir-reliġjon Kattolika. Hemm separazzjoni falza bejn il-ħajja privata tal-persuna u l-fidi u l-ħajja pubblika tal-persuna.
Illum xi politiċi, li jgħidu li huma nsara, u li jappoġġjaw l-abort, qed jinħbew wara l-gideb ta’ “favur il-ħajja” jew li ma jridux “jimponu l-moralita’ tagħhom” fuq ħaddieħor. Iżda mbagħad jappoġġjaw b’mod b’saħħtu kwistjonijiet oħrajn marbutin mal-ħajja bħal li huma kontra l-piena kapitali u li jfittxu trattament ugwali għall-immigranti sabiex jassiguraw id-dinjita’ tal-ħajja umana.
Jista’ ukoll ikun hemm politiċi li huma favur il-ħajja f’dak li għandu x’jaqsam mal-abort, l-ewtanasja u r-riċerka tal-embrijuni, iżda jappoġġjaw il-piena kapitali u policies li jwasslu għall-oppressjoni tal-immigranti. Jidhru li qed jinsew li jagħżlu d-dinjita’ tal-persuna umana f’dawn il-każijiet, u jagħżlu li jkunu aktar fidili lejn il-partit politiku tagħhom milli lejn il-fidi Kattolika tagħhom.
Il-Kattoliċi fl-arena politika jridu jirrikonoxxu li l-oppożizzjoni lejn dak li intinsikament huwa ħażin, bħalma huma l-abort u r-riċerka fuq l-embrijuni, hija dejjem meħtieġa minnhom. Peress li dawn huma attakki diretti fuq il-ħajja umana, suppost li dawn mhumiex negozjabbli għal kull nisrani. Il-Kattoliċi ta’ rieda tajba jridu jirrikonoxxu li fi kwistjonijiet fejn tidħol il-ħajja umana, id-dinjita’ tal-persuna trid, l-ewwel u qabel kollox, tiġi kunsidrata biex jinstabu soluzzjonijiet għal dawn il-kwistjonijiet.
Bħalma l-Papa Ġwanni Pawlu II fakkar lil kull min hu involut f’affarijiet ċivili u leġislattivi, “liġi li tagħmel ħsara lid-dritt naturali għall-ħajja ta’ persuna innoċenti, mhix kunsidrata ġusta u bħala tali, mhix valida bħala liġi”.