L-emendi preżenti għal-liġi tal-IVF huma perikolużi ħafna għax, kif inhuma, se jibdew jagħtu  l-impressjoni li, flok huwa uman, għandu d-dinjita’ tiegħu u għandu jkun  imħares mill-konċepiment, l-embrijun se jibda jitqies qisu oġġett. 

Hemm ukoll il-kunċett li issa, b’għażla, se nibdew niffriżaw il-ħajja. Bħalissa kif  inhi fil-liġi l-iffriżżar hu biss permess bħala eċċezzjoni, jiġifieri jkun l-unika mezz sabiex l-embrijun ikun salvat. Meta ntqal li l-liġi se titwessgħa, mhi se titwessgħa xejn għax il-kunċett se jinbidel totalment.  Issa se nibdew nistaqsu lill-klijenti u l-pazjenti jekk humiex se jiffriżaw b’għażla. Hawnhekk, mal-iffriżar b’għażla, jiddaħħlu ħafna affarijiet oħra. Se jkollok numru kbir ta’ embrijuni li jispiċċaw abbandunati, ikun  hemm ħafna li jingħataw b’donazzjoni għar-riċerka, jiġu mħollija u mormija.  

Miriam Sciberras, iċ-Chairperson ta’ Life Network Foundation, tgħid li hu tad-daħk meta wieħed jistqarr li jekk ikollna żżejjed mill-embrijuni dawn  jiġu esportati. “Affarijiet li ma jitwemmnux”.  

Hemm  ukoll il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni fost l-embrijuni. Mela aħna niftaħru li dan il-pajjiż jinsab l-ewwel fl-ugwaljanza! Imma fl-ugwaljanza hawn min hu b’saħħtu. “Issa se nibdew li minn  tliet embrijuni, nagħżlu tnejn biex imorru fil-ġuf tal-omm u wieħed biex jibqa’ fil-friża – qed niddeċiedu min mill-aħwa se jitwieled u min jibqa’ fil-friża biċ-ċans li jitlef ħajtu”, żiedet Dr. Sciberras. Għaldaqstant qed indaħħlu l-kunċett tal-għażla. Kif se  nagħżlu? Liema embrijuni se nagħżlu biex imorru fil-ġuf tal-omm? Bl-emendi kif proposti qed ngħidu li se  jkollna  liġi li twassal għal mewt ta’ tfal fl-istadju embrijoniku. “Minn dan l-aspett, iva, nistgħu ngħidu li se jkollna mewt abortiva”, saħqet Dr. Sciberras. 

L-emendi wkoll qed jipproponu l-kunċett li persuna single tista’ tagħżel li ssir ġenitur. U addio drittijiet tat-tfal jew li jkollhom omm u missier! “Għandna nistaqsu kif se nagħmlu distinzjoni bejn dawk li huma każijiet soċjali jew is-single mothers by choice meta nafu kemm hawn każijiet ta’ missirijiet mhux magħrufa”, kompliet it-Tabiba Sciberras  filwaqt qalet li “issa se nibdew nippromwovu l-prinċipju ta’ unknown father by choice”. 

Dawn huma affarijiet li se jkissru lil uliedna. B’dawn l-emendi d-drittijiet tat-tfal m’huma mħarsa assolutament xejn. Filwaqt li temmen li kull koppja għandha tingħata kull għajnuna, il-Life Network Foundation tisħaq li dawn l-emendi ma jagħmlux ġustizzja mat-tfal. Filwaqt li nisimgħu l-karba ta’ min  ma jistax ikollu tfal, fl-istess ħin  nagħlqu widnejna għall-karba li noħolqu b’dawn it-tfal meta jsiru adulti. “Din mhux ġustizzja soċjali; l-emendi fil-liġi se joħolqu problemi kbar għas-soċjeta’ li uliedna jridu jħallsu għaliha”. 

Hemm ukoll kunċett ieħor. Jista’ jkollna tfal li jitwieldu orfni. Dawn l-emendi se jagħmluha permissibbli li jekk wieħed jagħmel donazzjoni tal-bajda jew tal-isperma, u jmut meta kien  iffirma għad-donazzjoni, il-proċess xorta se jintuża. Allura se jitwieldu tfal li possibbilment il-ġenituri tagħhom ikunu diġa’ mietu. 

Fil-manifestazzjoni li kienet organizzata fil-belt Valletta nhar il-Ħadd, kien hemm persuni li ġew addottati. Għalkemm huma maħbubin, xorta għandhom ix-xewqa f’qalbhom li jkunu jafu min  verament huma l-ġenituri tagħhom. Jagħmlu minn kollox u jibqgħu jfittxuhom. Għaliex? Għax kulħadd irid ikun jaf l-identita’ tiegħu. Hu fil-profond tal-qalb tal-bniedem li jkun jaf  l-identita’ tiegħu. 

Bl-emendi li saru, u li l-Gvern fissirhom bħala progressivi, l-ulied se jitkissru. Kliem l-eks Ministru George Vella ma setgħux kienu aħjar meta qal li dawn  l-emendi huma travesty of ethics.