Nikkonsolidaw l-armonija fil-post tax-xogħol
L-uffiċċji u postijiet tax-xogħol oħrajn huma l-mikrokożmu tal-umanita’. Huma taħlita ta’ diversi tipi ta’ persuni, bit-tipi kollha ta’ personalitajiet, imġieba, miri u sfidi. Allura sabiex dak li jkun imur tajjeb ma’ kulħadd, jeħtieġu jsiru xi sforzi.
Forsi tiftakar f’xi episodju fil-karriera tiegħek meta kunflitt ta’ personalitajiet ikkorrompa ambjent produttiv tax-xogħol. Dan jista’ jiġi evitat u tinħoloq armonija fil-post tax-xogħol billi jkunu applikati xi prattiċi sempliċi.
Il-kelma “grazzi” tista’ tkun b’saħħitha meta tiġi biex tinħoloq il-kuntentizza u l-armonija. Il-ħaddiema jistinkaw u jkunu kburin bil-kisbiet tagħhom iżda jistgħu jħossuhom injorati. Li wieħed isib il-ħin biex jirrikonoxxi anki l-iżgħar kisba tista’ tagħmel persuna verament apprezzata. Ħaddiem għandu jkun ringrazzjat kuljum tal-ħidma li jwettaq.
Jekk ħaddiem jew impjegat hu kuntent f’xogħolu, x’aktarx imur lil hinn minn dak li hu mistenni minnu biex jimpenja ruħu iżjed. Ħaddiema jistgħu jingħataw xi biċċa xogħol oħra jew jibqgħu wara l-ħin biex jgħinu f’xi proġett. Jew inkella jagħmlu affarijiet sottili bħal inaddfu xi zona partikulari fil-post tax-xogħol jew jikkoreġu xi dokument wara li jkunu sabu l-iżballji. Aktar mal-ħaddiem ikun ringrazzjat ta’ għemilu, aktar ikun hemm kuntentizza u armonija fil-post tax-xogħol. Barra minn hekk, l-eżempju jkaxkar u aktar ħaddiema jkunu motivati biex itejbu l-produttivita’.
It-tseksik jista’ jgħarraq l-armonija. Jista’ jipprovdi divertiment imma fl-aħħar mill-aħħar jista’ jsawwar l-isfiduċja. Il-piki jibdew jinbnew, il-ħaddiema jibdew jobsru jekk humiex is-suġġett tat-tseksik u l-firdiet jibdew jiżviluppaw. Għaldaqstant ikun għaqli li tkun stabbilita policy fejn it-tseksik ma jkunx tollerat, policy li trid tkun infurzata.
L-armonija fil-post tax-xogħol ukoll tista’ isseħħ jekk il-ħaddiema jkunu liberi li jissuġġerixxu, billi jressqu l-ilmenti tagħhom jew jiddiskuti mingħajr ma jkunu ġudikati. Meta l-ħaddiem iħossu liberu biex jitkellem, il-problemi jistgħu jiġu indirizzati mill-ewwel qabel ma jeskalaw f’ostakli reali.
L-apprezzament u l-valur tal-opinjonijiet tal-ħaddiema jistgħu jwasslu biex l-istess ħaddiema jużaw it-talenti u l-kreattivita’ tagħhom ħalli jgħinu jsaħħu l-post tax-xogħol. Minflok jieħdu l-ordnijiet, il-ħaddiema jaħdmu flimkien biex isibu modi biex itejbu l-operat.
Henry Ford ma setax isib kliem aħjar: Coming together is a beginning. Keeping together is progress. Working together is success.