Niġġieldu l-aħbarijiet foloz
Hekk kif id-dinja qed tkun iżjed marbuta permezz tal-internet u l-media soċjali, l-aħbarijiet qed jinfirxu aktar malajr. Għalkemm dan jgħin liċ-ċittadini biex ikunu informati, ippermetta biex l-aħbarijiet foloz jinfirxu faċilment.
L-aħbarijiet foloz huma informazzjoni li ġew mgħawwġa apposta bl-iskop li jqarrqu lill-qarrejja. Tali aħbarijiet issoltu jkunu sensazzjonali u għandhom l-għan li jkollhom reazzjonijiet b’saħħithom mill-qarrejja. Sfortunatament, l-aħbarijiet jistgħu jqarrqu lil min juża l-internet u l-media soċjali. Għalhekk huwa importanti, speċjalment fi żmien straordinarju bħal dak li qed ngħixu bħalissa, biex kulħadd jara x’inhu veritier jew falz.
Jekk wieħed qed jaqra artiklu u jaħseb li jista’ jkun aħbar falz, l-ewwel pass li jagħmel hu li jikkonferma li l-fatti u ċ-ċifri ppreżentati huma preċiżi. Dan jista’ jsir jew billi jqabbel l-artiklu ma’ ieħor minn aġenzija affidabbli jew billi jivverifika s-sorsi wżati mill-awtur tal-artiklu. Jekk is-sorsi wżati ma jkunux identifikati, mela l-artiklu probabbilment huwa falz. Li wieħed jivverifika l-istampi, permezz ta’ tfittxija sempliċi għal ritratt, huwa mod ieħor kif ikunu vverifikati aħbarijiet veritieri jew foloz. Hekk kif ir-ritratti fi ħdan artiklu jistgħu faċilment jittieħdu ‘l barra mill-kuntest jew jittieħdu minn avveniment li ma jkunx relatat ma’ dak li jkun rappurtat.
Barra minn hekk, wieħed irid joqgħod attent meta jiltaqa’ ma’ artikli żbilanċjati hekk kif dan hu fattur komuni ta’ aħbarijiet foloz minħabba l-fatt li aġenziji stabbiliti tal-aħbarijiet ifittxu li jevitaw l-iżbilanċ. Jekk wieħed iħoss li l-artiklu huwa żbilanċjat, għandhom jaraw il-URL u jekk dan jidher suspettuż mela wieħed għandu jivverifika s-sezzjoni ‘dwar’ biex jara min hemm wara jew min qed jiffinanzja l-portal tal-aħbarijiet. Wieħed ukoll jista’ jivverifika l-awtur tal-artiklu, madankollu, jekk l-isem huwa vvintat jew l-artiklu huwa anonimu, mela probabbilment l-aħbar huwa falz.
Sabiex twaqqaf il-firxa ta’ informazzjoni żbaljata, il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex isegwi ‘Myth Busters’ bħal EuvsDisinfo li jirrapporta dwar stejjer foloz.