Serje ta’ e-packs, disponibbli għall-pubbliku, kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti, ġew imnedija reċentement mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fil-Belt Valletta.

Il-pakketti huma maħsuba biex jipprovdu l-isfond meħtieġ, opinjonijiet kurrenti u avvenimenti dwar kull suġġett li ġie identifikat bħala prijorità ewlenija waqt il-Konferenza li għaddejja dwar il-Futur tal-Ewropa u fuq il-Pjattaforma taċ-Ċittadini:

https://futureu.europa.eu/?locale=en

Waqt tnedija online, “Nibnu l-Ewropa li rridu”, li kienet immexxija minn Ingrid Godkin, mill-Kabinett tal-Viċi President Dubravka Šuica, il-MPE Josianne Cutajar bħala waħda mill-108 rappreżentanti flimkien mal-Viċi President Roberta Metsola (li ġew magħżula parti mill-plenarji tal-Konferenza) u Jean Paul Zammit u Claire Gafa, mill-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżvilupp tal-Komunità, is-soċjetà ċivili u ż-żgħażagħ.

“Id-demokrazija mhix statika u għalhekk irridu niżguraw li tkompli tevolvi” qalet is-Sinjura Godkin fir-rimarki introduttorji tagħha. Tkellmet fit-tul dwar kif il-prinċipju ta’ gwida matul din il-Konferenza għandu jkun li ċ-ċittadini jinżammu fil-qalb u jiġi żgurat li kull vuċi tinstema’ u kif mekkaniżmu ta’ feedback speċjalizzat jgħin lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jagħtu feedback lura liċ-ċittadini.

Min-naħa tagħha l-MPE Josianne Cutajar innutat li filwaqt li ċ-ċittadini tal-UE jistennew li l-Ewropa taġixxi fuq il-bżonnijiet tagħhom, l-aspettattivi taċ-ċittadini spiss ma jintlaħqux.

“Iż-żgħażagħ għandhom imexxu l-konversazzjonijiet u l-kompitu tal-Parlament huwa li jistabbilixxi l-viżjoni” Cutajar qalet. “Irrid Ewropa aktar soċjali li ma tħalli lil ħadd warajh, lanqas il-gżejjer fil-periferija” sostniet u appellat liż-żgħażagħ preżenti biex jieħdu sehem attiv f’din il-pjattaforma.

Jean Paul Zammit u Claire Gafa, mill-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżvilupp tal-Komunità tkellmu dwar il-ħtieġa aktar lokali u mmexxija mill-għeruq tal-komunità u r-rwol tagħhom f’dak li dejjem huwa xogħol li għaddej.

Dr Mario Sammut, Kap tal-Uffiċċju tal-PE f’Malta mexxa d-dibattitu wara l-preżentazzjoni tal-e-packs, u qal li l-Konferenza hi proċess importanti fejn iċ-ċittadini għandhom l-opportunità li jgħidu lill-Ewropa liema Ewropa jridu. Huwa esprima t-tama li b’dawn il-pakketti elettroniċi ċ-ċittadini jkollhom stampa iktar ċara kif tista’ tagħmel dan.

 L-e-packs dwar il-Futur tal-Ewropa, jistgħu jitniżżlu b’xejn minn:

https://www.europarl.europa.eu/malta/en/news-events/2021/e-packs-on-the-conference-on-the-future-of-europe.html