Neħħew il-pastizzi mill-Mater Dei!
Kienu xi ftit tal-ġimgħat ilu li fuq kull ġurnal, newsportal u l-media soċjali kulħadd kien qed jifraħ li tneħħew il-pastizzi mill-Mater Dei. Mhux biss!! Li wkoll tneħħew l-pasti. Dan sabiex il-poplu Malti jkun aktar b’saħħtu fl-Isptar nazzjonali magħna.
Dlonk kulħadd jikkummenta. Saħansitra fuq it-Times of Malta kien hemm wkoll sondaġġ fejn il-pubbliku kien mitlub jgħid jekk jaqbilx jew le fuq din il-kwistjoni. Minn dak li niftakar, il-maġġoranza tal-poplu Malti qablet. Apparti hekk iz-zewgt partiti politiċi il-kbar wkoll qablu fuq din l-inizjattiva. Allura, ħalluni nkun ftit il-leħen jgħajjat fid-deżert.
Fil-jiem li għaddew, kont qed nitkellem ma’ ħaddiema membri, kif ukoll ma xi pazjenti u bdew jgħiduli li lanqas zokkor fit-te’ jew fil-kafe’ mhu permessibbli fis-swali. U bdejt nistaqsi bejni u bejn ruħi: allura min ma jixrobx kafè bla zokkor x’se jagħmel? Jibqa b’xejn? Fittex u staqsi u t-tweġiba baqgħet l-istess: iva, m’hemmx x’tagħmel… ġib ftit mid-dar!
Mella mmur l-Isptar biex inżur ħabib tiegħi u fettilli mmur sal-canteen. Lanqas temmnu x’nilmaħ. Iva, proprju dawk li mhux suppost qegħdin hemm. PASTIZZI u ikel ieħor li jħaxxen… imma stenna. Dawn tax-xemgħa… forsi iżjed healthy dawn mill-pastizzi normali??? Għidt bejni u bejn ruħi dak li dejjem nisma’.. “u iva…mhux xorta?” U dawwart ħarsti ftit lejn il-lemin. Taf x’nilmaħ? Iva… dawk… li wkoll mhux permessibbli…. PASTI TAL-ĦELU…..
Stenna naqra… x’qed jiġri??? Il-pastizzi u l-ħelu reġgħu sabu posthom fil-canteen. Inkella kif nistgħu naqilgħu ewro? Iżda dik il-kuċċarina zokkor għal kafè fis-swali… dik le…. dik tagħmel wisq ħażin lill-pazjent. Kien hemm qlajja li b’kuċċarina waħda żżid il-kilos biha. Iżda, jekk ifettillek iġġib ftit zokkor mid-dar, dak OK. Dak ma jħaxxinx.
U għalhekk, qabel għidt,… ħalluni nkun il-leħen jgħajjat fid-deżert u ngħid: Zokkor IVA u pastizzi LE.