Il-Brexit Steering Group fi ħdan il-Parlament Ewropew wieġeb għad-dokument tal-Gvern Ingliż bit-tema EU Settlement Scheme  statement of intent, li jiddeskrivi kif iċ-ċittadini Ewropej u l-familji tagħhom jistgħu jiksbu d-dritt  li jgħixu fir-Renju Unit. 

Guy Verhofstadt, il-Koordinatur tal-Brexit fi ħdan il-Parlament Ewropew, stqarr li “filwaqt li ħaddna nota u lqajna d-dikjarazzjoni tal-Gvern Ingliż li  jfisser kif l-iskema se taħdem, xorta għad  għandna  diversi punti ta’ tħassib. Qed  nitolbu lill-Gvern Ingliż sabiex iressaqhom fil-fażi ta’ konsultazzjoni u testjar tal-iskema qabel ma  ssir it-tnedija uffiċjali.” 

“Inħeġġu  lill-Gvern Ingliż sabiex jipprovdi, malajr kemm jista’ jkun u  bil-quddiem, id-dettalji  tal-abbozz ta’ liġi dwar il-poteri u r-responsabbiltajiet ta’ Awtorita’ Indipendenti ta’ Monitoraġġ (IMA) għaċ-ċittadini tas-27 stat membru fir-Renju Unit. Hu importanti li din l-awtorita’ indipendenti, li se tkun kapaċi li tmexxi  l-inkjesti, tirċievi l-ilmenti u  tieħu azzjoni legali quddiem qorti jew tribunal Ingliż, tibda tiffunzjona mit-30 ta’ Marzu 2019.” 

“L-Ewro Parlamentari  għadhom mhux kuntenti li ċ-ċittadini mis-27 stat membru tal-UE fir-Renju Unit, li kkontribwew fis-soċjeta’ Ingliża u ħallsu t-taxxi tagħhom, iridu  jħallsu għar-reġistrazzjoni. Nibqgħu   nemmnu  li dan il-proċess għandu  jkun bla spejjeż u nżommu mal-pożizzjoni dejjiema tal-Parlament Ewropew fuq din  il-kwistjoni.” 

“Irid isir aktar sabiex nassiguraw li ċittadini vulnerabbli Ewropej jinqdew sewwa, u d-dewmien kollu li jħabbtu wiċċhom miegħu ċ-ċittadini bil-proċess innifsu tar-reġistrazzjoni, ma joħloqx ansjeta’  bla bżonn.” 

“Il-Brexit Steering Group qabel li  jinvestiga l-limitu li għalih is-27 stat  membru Ewropew ippreparaw għall-implimentazzjoni għall-ftehim tal-irtirar rigward iċ-ċittadini Ingliżi fir-reġjun. Il-Parlament Ewropew se jiġġieled għad-drittijiet ta’ dawk kollha milquta bil-Brexit.”