Min ma jbiddilx iqammel
Huwa sigriet magħruf li s-sħubija fit-trejdjunjins globalment qed tonqos. Filwaqt li wieħed jista’ jargumenta li dan huwa sinjal ta’ soċjetà individwalista li fiha l-impjegati jidhru li huma interessati biss fil-gwadann personali tagħhom anki jekk dan ikun għad-detriment tal-kollega tagħhom, il-ġurnata li l-unions jirrassenjaw ruħhom ikun il-bidu. tat-tmiem. Bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja, l-għaqdiet tal-ħaddiema u l-unions iridu jinbidlu u jadattaw għas-sitwazzjoni jew jiffaċċjaw theddida eżistenzjali jekk mhux l-estinzjoni.
Din hi waħda mill-mistoqsijiet li saru waqt il-Kungress Nazzjonali tal-UHM Voice of the Workers. Il-messaġġ ewlieni tal-Kap Eżekuttiv Josef Vella kien dwar ħajja mill-ġdid, solidarjetà, komunikazzjoni aktar b’saħħitha u azzjoni effettiva.
Dan kollu japplika kull meta tkun qed tittieħed azzjoni industrijali, li hi għodda kruċjali għall-unions biex jagħmlu pressjoni għal bidla u biex ifittxu rimedju f’isem il-ħaddiema. Tradizzjonalment dawn l-azzjonijiet jieħdu l-forma ta’ work-to-rule, strajks, go-slow jew li ma jitwettqux parti mid-dmirijiet.
Madankollu, fiż-żminijiet tal-lum meta kollox jidher li qed jiġi deċiż skont l-opinjoni tal-maġġoranza fuq il-midja soċjali, għodod bħal dawn għadhom effettivi bħal qabel? Kemm-il darba d-deċiżjonijiet inbidlu bħala riżultat ta’ azzjoni industrijali u kemm-il darba dan ġara wara kritika qawwa minn fuq il-midja soċjali? Ma ninsewx li għaxar snin ilu, il-midja soċjali kienet kruċjali fir-Rebbiegħa Għarbija, li wasslet biex reġimi dittatorjali biex jagħlqu dawn il-pjattaformi. Din il-konsiderazzjoni hi saħansitra aktar rilevanti fis-settur tas-saħħa fejn il-gvern qed jirnexxielu jagħmel sarima lill-unjins billi jagħmel mandat ta’ inibizzjoni biex iwaqqaf l-azzjonijiet industrijali. Dan wara li jkun warrab għal kollox it-triq tad-djalogu soċjali. Għalhekk, il-unions għandhom jaħsbu b’mentalità differenti sabiex jieħdu azzjoni effettiva u mhux biss sempliċiment azzjoni.
Qasam ieħor li jeħtieġ jieħu ħajja ġdida hu l-involviment taż-żgħażagħ. Fil-preżent membri li għandhom bejn 15 u 29 sena jammontaw biss għal 12% tal-membri kollha tal-UHM. Iż-żgħażagħ mhux qed jinteressaw ruħhom fil-union sakemm jiltaqgħu mal-ewwel kwistjonijiet fuq ix-xogħol. Dan ifisser li l-unions qed iservu biss bħala tip ta’ polza ta’ assigurazzjoni. Ovvjament, il-unions iridu jsibu mezzi oħra kif iżidu r-rilevanza tagħhom maż-żgħażagħ.
Waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun li jwessgħu il-funzjoni tagħhom biex jipprovdu taħriġ bażiku lil żgħażagħ li m’għandhomx ħiliet bażiċi fil-matematika, u litteriżmu kemm fil-Malti kif ukoll fl-Ingliż. Sfortunatament, minkejja l-miljuni li qed jintefqu fl-edukazzjoni, għad għandna numru għoli u mhux aċċettabbli ta’ żgħażagħ ta’ 16-il sena li m’għandhomx lanqas ħiliet biex jagħmlu xogħol bażiku. Għalkemm wieħed jista’ jargumenta li ċerti snajja’ bħal xogħol fil-ġebel u oħrajn li jinvolvu xogħol iebes m’għadhomx attraenti, hemm xogħlijiet manwali oħra inqas intensivi li huma mfittxija ħafna u mħallsa tajjeb bħat-tiswija tagħmir tal-arja kundizzjonata u xogħol fl-injam li xorta mhux qed jattiraw ħaddiema. Għaliex qed jiġri dan? Is-sitwazzjoni qed tkun aggravata bil-politika tal-gvern li jieħu ħaddiema mis-settur privat u joffrilhom xogħol ‘komdu’ mal-gvern. Minkejja li ħafna drabi dan ifisser fi tnaqqis fil-pagi, l-impjegati qed jieħdu dawn ix-xogħolijiet għax jafu li jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu xogħol ieħor. Dan l-aġir qed jimmina l-isforzi tal-gvern stess fl-edukazzjoni u l-impjiegi, iżda jidher li ll-kilba biex jintrebħu l-voti qed terbaħ fuq kollox.
Xejra oħra inkwetanti li l-unions iridu jiġġieldu hi n-nuqqas ta’ solidarjetà li qed tiġi sfruttata biex jinħoloq feles mhux biss fost il-ħaddiema nfushom iżda wkoll fir-relazzjoni tagħhom mal-unions. Eżempju bħal dan huwa d-dipendenza żejda fuq l-outsourcing, li qed jirriżulta f’impjegati li jagħmlu l-istess xogħol iżda jitħallsu inqas. Ħaddiema li jdawwru wiċċhom u jinjoraw il-kollegi li jsofru din il-forma ta’ diskriminazzjoni mhux qed jirrealizzaw li fl-aħħar mill-aħħar se jbatu huma wkoll peress li min iħaddem se jkompli sejjer b’din il-prattika sakemm anki dawk li għandhom l-aħjar kundizzjonijiet se jmorru minn taħt. Dan minħabba li eventwalment impjegati li jgawdu kundizzjonijiet aħjar ma jkunux jistgħux jibqgħu jiddependu fuq in-negozjar kollettiv għax ikunu ftit wisq fin-numru.
Għal quddiem wieħed jista’ jaqa’ fit-tentazzjoni li jgħid li hu xogħol it-trejdunjonisti li jilqgħu għal dawn l-isfidi. Madankollu, ma jistax ikun hemm unjoni jekk dan l-isforz ikun frammentat. Għalhekk, il-ħaddiema jridu jibdew billi jistaqsu lilhom infushom – X’nista’ nagħmel jien biex nibda nwettaq din il-viżjoni?