L-edizzjoni ta’ Novembru tar-rivista elettronika tal-MEUSAC tkopri rappurtaġġ estensiv tas-serje tal-MEUSAC, Konsultazzjonijiet maċ-Ċittadini, flimkien ma’ numru ta’ artikli dwar opportunitajiet ta’ fondi li jorbtu mat-temi diskussi matul il-konsultazzjonijiet maċ-ċittadini.  

Il-konsultazzjonijiet saru fis-27 stat membru tal-UE u inbdew mill-President Franċiż Emmanuel Macron bl-iskop li ċ-ċittadini jitkellmu, jesprimu t-tħassib u l-opinjonijiet tagħhom dwar il-futur tal-UE. Issa li l-konsultazzjonijiet waslu biex jintemmu, kull stat membru se jipproduċi rapport dwar ir-rispons milqugħ matul dawn il-konsultazzjonijiet u kull rapport hu mistenni li jiġi preżentat minn kull stat membru lill-mexxejja Ewropej matul dan ix-xahar waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li se ssir bejn l-14 u l-15 ta’ Diċembru. 

Għan-nom ta’ Malta, il-MEUSAC ġie mitlub li jipproduċi r-rapport li jinsab fl-aħħar stadji tiegħu. Ir-rivista elettronika wkoll tinkludi intervisti ma’ numru prominenti ta’ kelliema li indirizzaw l-avvenimenti, inkluż il-Ministru għal Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali Aaron Farrugia, id-Direttur tal-Istitut għall-Istudji Ewropej Mark Harwood, il-Pro-Rettur tal-Universita’ ta’ Malta għall-Affarijiet tal-Istudenti u l-Istaff u l-Outreach, il-Prof. Carmen  Sammut kif ukoll il-Kap tal-MEUSAC, Vanni Xuereb.