L-Ewro Parlamentari allokaw il-Budget tal-UE għall-2019 b’ċifra ta’ €166.34 biljun għal impenji u €149.3 biljun fi ħlasijiet. In-negozjati mal-Kunsill se jsiru f’Novembru. 

Fir-resoluzzjoni tagħhom dwar il-Budget, l-Ewro Parlamentari affermaw mill-ġdid il-prijoritajiet tagħhom: “tkabbir sostenibbli, innovazzjoni, kompetittivita’, sigurta’, l-analiżi tal-kawżi fl-influss tar-refuġjati u l-migrazzjoni, l-immaniġġjar tal-influssi tar-refuġjati u l-migrazzjoni, il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u t-transizzjoni għal enerġija sostenibbli, u enfasi partikulari fuq iż-żgħażagħ.” 

Iż-żgħażagħ, it-tkabbir u l-impjiegi 

L-Ewro Parlamentari żiedu l-programm Erasmus + bi €362 miljun. Huma wkoll żiedu €346.7 miljun għall-Inizjattiva Żgħażagħ fl-Impjieg, fejn għollew it-total għall-2019 għal €580 miljun sabiex tingħata għajnuna liż-żgħażagħ li qed jiddispraw biex isibu x-xogħol. 

Huma jirrifjutaw “it-tnaqqis mhux ġustifikat ta’ €794 miljun” tal-Kunsill għal sezzjoni tal-Budget Ewropew li hu impenjat biex isaħħaħ it-tkabbir u joħloq l-impjiegi. L-Ewro Parlamentari jgħidu li dan jirrappreżenta aktar minn nofs it-tnaqqis kif propost b’mod sħiħ mill-Kunsill, u jinnotaw li tali tnaqqis “għal programmi bl-għola valur miżjud Ewropew, per eżempju dawk għal Horizon 2020 u l-Connecting Europe Facility (CEF) jimxu kontra l-prijoritajiet politiċi tal-Kunsill”. 

Għalhekk huma ddeċidew li jifformulaw mill-ġdid l-iffinanzjar tal-proġetti infrastrutturali, u l-programm Horizon 2020, li jappoġġja proġetti ta’ riċerka, b’żieda ta’ €256.9 miljun. Iż-żewġ programmi ffaċċjaw tnaqqis bħala parti minn miżuri biex jgħinu jiffinanzjaw il-garanzija tal-UE għall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI). Il-Parlament reġa’ żied lil Horizon 2020 b’€65 miljun u nefaq €97.3 miljun oħra minħabba oqsma relatati mal-klima taħt il-programmi Horizon 2020, CEF u Heading 2. 

Żidiet prinċipali oħrajn jinkludu: 

  • €74.7 miljun għal programmi u aġenziji relatati mas-sigurta’; 
  • €50 miljun f’appoġġ tal-UE lil stati membri milqutin mill-African Swine Fever; 
  • €28.9 miljun għal appoġġ lil intrapriżi żgħar u medji (SMEs). 

Il-kriżi tar-refuġjati u l-migrazzjoni, tnaqqis ta’ fondi għat-Turkija 

L-Ewro Parlamentari saħħew ċertu linji tal-budget b’ħolqa ċara dwar il-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni fi ħdan iz-zona immedjata u wiesgħa tal-UE, bħall-Istrument għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni (żieda ta’ €147.5 miljun), il-European Neighbourhood Instrument (fondi għall-pajjiżi fin-Nofsinhar u l-Palestina, żieda ta’ €146 miljun) kif ukoll appoġġ ta’ qabel is-sħubija għall-Balkani tal-Punent (żieda ta’ €56.3 miljun). Għal azzjonijiet biex ikunu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni fi ħdan l-UE, l-Ewro Parlamentari saħħew il-Fond tal-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) bi €33 miljun. 

L-Ewro Parlamentari nsistew li s-sehem tal-budget tal-UE tat-tieni porzjon ta’ €3 biljun bl-isem ta’ Faċilita’ għar-Refuġjati fit-Turkija (FRT) m’għandux jaqbeż il-€1 biljun, sabiex jinżamm l-istess proporzjon tal-budget Ewropew u l-kontribuzzjonijiet tal-istati membri għall-ewwel porzjon. Hekk kif €550 miljun kienu diġa’ wżati mill-budget Ewropew tal-2018, il-Parlament naqqas il-proposta tal-Kummissjoni għall-2019 b’€1 biljun, li rriżulta f’kontribut ta’ €450 miljun (l-istati membri jridu kontribut ta’ €2 biljun mill-budget tal-UE – u l-Kummissjoni allokat budget ta’ €1,450 miljun għall-FRT fl-2019). 

Bħala appoġġ ta’ qabel is-sħubija għat-Turkija, l-Ewro Parlamentari ddeċidew li ma jmorrux lura mit-tnaqqis li sar mill-Kunsill, biex titnaqqas parti mill-fondi ta’ qabel is-sħubija b’€66.8 miljun, biex waslu għal total, bi tnaqqis ta’ €213.5 miljun inqas mill-proposta  tal-Kummissjoni għal fondi li kienu indirizzati għat-Turkija, minħabba nuqqas ta’ rispett għall-valuri Ewropej.