Meta se naraw UE aktar rilevanti?
L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ġew, għaddew u r-riżultat hu dak li hu. F’din l-istituzzjoni issa ġew eletti Ewro Parlamentari li se jingħaqdu ma’ oħrajn stabbiliti. Il-Kummissjoni Ewropea se tkun qed tidderieġi l-Unjoni Ewropea permezz ta’ tmexxija ġdida. X’se jkun il-mandat ta’ din il-Kummissjoni? Liema prijoritajiet se jkun qed jaħdem fuqhom Parlament Ewropew ġdid? X’se jkun il-futur tal-Unjoni Ewropea?
Infakkru li sa ftit taż-żmien ilu, din l-istituzzjoni reġjonali kienet qed tkun mhedda minn ideat intellettwali skaduti. Kummentaturi dwar l-affarijiet Ewropej jisħqu li ebda idea reali, lanqas biċċa strateġija żgħira ma tressqet minn dawk li huma mfissra bħala ‘elitisti Ewropej’, mit-think tanks tagħhom u miċ-ċirkli akkademiċi. B’riżultat ta’ dan, isostnu l-istess kummentaturi, “l-intelliġenzja tal-Punent tilfet il-bażi tagħha”.
Infakkru wkoll li l-President Franċiż Macron kien tela’ bl-għajta li ried it-tisħiħ tal-Ewropa. Sewwa qal u l-kunsens wiesa’ kien li l-Ewropa tista’ taddatta għas-seklu 21, imma basta tbiddel in-natura tagħha u tirristruttura mill-ġdid l-istituzzjonijiet tagħha b’mod radikali.
Għal ħafna snin, l-istituzzjonijiet Ewropej ġew mgħobbija b’ħafna aspettattivi f’ħafna oqsma, iżda ma kellhomx biżżejjed poter, finanzi u kapaċita’ teknika biex jaġixxu b’mod effettiv.
Allura l-UE, issa bi tmexxija ġdida, x’għandha tagħmel biex tkun iżjed rilevanti u fl-aħħar mill-aħħar tibqa’ teżisti? Naħseb li sabiex tikseb mill-ġdid il-fiduċja taċ-ċittadini tagħha, it-teknokratiċi fl-Ewropa ma jridux jibqgħu biss kuntenti billi jaħdmu għall-interessi tal-Unjoni. L-Unjoni Ewropea trid issib l-aħjar bilanċ bejn il-libertajiet li tipprovdi u l-protezzjoni li toffri. Trid tinstab strateġija adekwata dwar kif l-Ewropa għandha tinbidel, strateġija li ssalvaha milli ssir skaduta.
Ir-regolamentazzjoni ta’ pjattaformi diġitali, it-tisħiħ ta’ skambji kulturali bħall-Erasmus, il-prijorita’ li għandha tingħata lill-bidla fil-klima, it-tfittxija għall-aħjar soluzzjonijiet dwar l-immigrazzjoni, it-transizzjoni mill-fossil fuels għal enerġija li tiġġedded u t-tisħiħ tad-demokrazija: dawn x’aktarx se jkunu l-oqsma l-aktar addattati għat-tnedija mill-ġdid tal-proġett Ewropew.