In-natura tipprovdina l-ikel li nieklu, l-ilma li nixorbu u l-arja li nieħdu n-nifs minnha. Dan  minbarra d-diversi mumenti ta’ ispirazzjoni personali meta nqattgħu ħin fil-kampanja, ħdejn il-baħar jew saħansitra nisimgħu l-għanja tal-għasafar f’mument kwiet. 

Ilkoll assumejna li n-natura se tkun dejjem hemm għalina u għal uliedna. Madankollu, il-konsum bla rażan, id-dipendenza mill-fossil fuels u l-użu mhux sostenibbli tagħna tan-natura issa qed jheddu serjament il-futur tagħna. 

L-ambjentalisti u x-xjenzati ilhom jiġbdu l-attenzjoni għal għexieren ta’ snin. Dħalna fi żmien ta’ qerda mgħaġġla ta’ speċi, u qed naffaċċjaw in-nuqqas irriversibbli ta’ pjanti u annimali, abitati u għelejjel importanti, filwaqt li qed niġu wiċċ imb’wiċċ mal-effetti koroh tal-bidla fil-klima dinjija. 

Matul is-sena li għaddiet, kien hemm ħafna mewġ ta’ sħana madwar l-Ewropa filwaqt li pajjiżi f’kontinenti oħrajn ġarrbu għargħar u nirien. Hawn ċertu rabja u ansjeta’ kollettiva. L-ispettru ta’ tali ħsara ambjentali ħoloq tħassib kbir, speċjalment fost iż-żgħażagħ madwar id-dinja, dwar l-inabbilta’ tagħna biex insostnu s-saħħa, il-produttivita’, is-sigurta’ u l-għajxien tagħna.  Irridu wkoll nikkunsidraw l-annimali, l-insetti, il-pjanti u l-postijiet kollha fejn  dawn jgħixu. 

Minkejja t-theddida profonda tat-telf tal-bijodiversita’, hija l-bidla fil-klima li ilha tiġi kunsidrata bħala l-aktar tħassib ambjentali. Dan inbidel f’Pariġi fil-bidu ta’ Mejju meta rappreżentanti minn 130 nazzjon approvaw l-aktar studju komprensiv li qatt sar dwar il-bijodiversita’ dinjija. Ir-rapport, xprunat mill-Intergovernmental Science-Policy  Platform on Biodiversity and Ecosystem Services (IPBES), sab li n-natura qed  tinqered b’rati mingħajr preċedent fl-istorja tal-bniedem. 

Miljun speċi llum huma mhedda mill-estinzjoni u l-bniedem qed jimmina l-infrastruttura naturali sħiħa li fuqha tiddependi d-dinja moderna tagħna.  

In-natura tagħti s-saħħa lill-inizjattivi tal-bniedem – li jissostanzjaw il-produttivita’, il-kultura u anki t-twemmin u l-identitajiet tagħna. Imma l-ekonomiji, l-għajxien, is-sigurta’ fl-ikel, is-saħħa u l-kwalita’ tal-ħajja madwar id-dinja huma taħt theddida. Qed nisfruttaw in-natura bl-aktar mod mgħaġġel milli hi tforni lilha  nnifisha. 

Ir-rapport IPBES juri li l-gvernijiet u n-negozjanti mhumiex qed jistinkaw biżżejjed. Id-dinja hija lesta biex titlef il-miri tal-ftehim li seħħ f’Pariġi u 80 fil-mija tal-miri tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-iżvilupp sostenibbli (is-sigurta’ tal-ikel, tal-ilma u tal-enerġija), minħabba t-tmexxija fqira tad-dinja naturali. 

Madankollu, l-aħbar it-tajba hi li hemm diversi policies u teknoloġiji li se jillimitaw iż-żieda fit-temperatura dinjija u biex nindirizzaw il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversita’. Il-mod kif nipproduċu u nużaw l-enerġija, kif nużaw il-ħamrija, kif nipproteġu l-ekosistemi kostali u kif nitrattaw is-siġar, iħoll u jorbot il-futur tagħna. Imma jista’ ukoll jgħinna sabiex ikollna kwalita’ tal-ħajja aħjar. 

Id-dinja trid tirrikonoxxi li t-telf tal-bijodiversita’ u l-bidla fil-klima kaġunata mill-bniedem mhumiex biss kwistjonijiet ambjentali, imma kwistjonijiet ta’ żvilupp, ekonomiċi, soċjali, ta’ sigurta’ u morali wkoll. Il-futur tal-umanita’ tiddependi minn azzjoni issa. Jekk ma naġixxux, uliedna u l-ġenerazzjonijiet kollha tal-ġejjieni qatt m’huma se jaħfrulna.