Ma nħallux min jirkeb fuq il-pandemija
L-aħbar li l-vaċċin kontra l-Covid-19 beda jingħata kienet żvilupp pożittiv ferm mistenni u raġġ ta’ dawl qawwi f’sena mudlama li matulha il-pandemija għamlet ħerba b’aktar minn 200 vittma waqt li ġabet staġnar ekonomiku qawwi.
Ikun żball jekk tingħata l-impressjoni li l-ħaddiema, anki dawk li ma tilfux l-impjieg tagħhom, ma ħassewx din id-daqqa jew li l-maltemp ekonomiku ikkawżat minn din il-pandemija m’għadux magħna.
Filwaqt li l-qgħad ma’ għolliex rasu, għad hemm mal-200 kumpanija fejn il-ħaddiema għadhom bil-kundizzjonijiet tax-xogħol imnaqqsa. Għal dawn il-ħaddiema, il-livell tal-għixien tagħhom ħa majnata. Agħar minn hekk hemm ir-realtà ta’ dawk li fl-aħħar xhur ma baqgħux f’pożizzjoni li jkollhom il-mezzi finanzjarji li jwasslu sal-aħħar tax-xahar għax id-dħul tagħhom naqas b’mijiet ta’ ewro. Is-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ ttawwal għax probabbilment ir-riżorsi finanzjarji ta’ dawn il-ħaddiema issa waslu fl-aħħar u m’għandhomx iktar minn fejn joħorġu minn ġewwa.
L-aktar li ntlaqtu ħażin kienu t-turiżmu, l-avjazzjoni u d-divertiment fejn l-attività ekonomika kważi waqfet kompletament. Il-miżura tal-wage supplement, li kienet miftiehma flimkien mal-partijiet soċjali, probabbilment kienet waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex il-qgħad baqa’ taħt kontroll. Taħt din l-iskema il-Gvern ħareġ €900 kull xahar b’min iħaddem joħroġ il-kumplament tal-paga skont kemm jippermettu l-finanzi tal-kumpanija. Meta l-iskema kienet imnedija kienet ngħatat assikurazzjoni li ħadd ma kien se jitħalla jabbuża u li kienu jsiru l-verifiki neċessarji f’każ li min iħaddem jiddikjara li ma jkunx f’pożizzjoni li joħroġ flus.
Skont statistika uffiċjali maħruġa mid-Dipartiment tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali sal-lum kien hemm 1,000 kumpanija li ngħataw permess li jnaqqsu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema għal żmien temporanju biex ma jkunx hemm sensji.
Dan in-numru fil-preżent hu ta’ 200 kumpanija waqt li b’kollox sal-lum intlaqtu aktar minn 25,000 ħaddiem.
Sfortunatament, kien hemm numru konsiderevoli li għadhom qed jieħdu biss €900 fix-xahar, u xejn iktar mingħand min iħaddem. Filwaqt li kien hemm każi ġenwini ta’ entitajiet privati li ma setgħux jassorbu d-daqqa bħal din bħal stabbiliment li għalihom ir-rota waqfet kompletament għal diversi xhur, kien hemm ċirkostanzi fejn qed iqumu ċertu mistoqsijiet.
L-iskema tal-wage supplement m’għandhiex tkun ta’ paraventu biex min iħaddem jagħmel miżuri ta’ awsterità li jagħmlu tajjeb għal deċiżjonijiet żbaljati ta’ dawk fit-tmexxija li m’għandhomx x’jaqsmu xejn mal-pandemija. Jekk se jsiru s-sagrifiċċji, il-piż m’għandux jinġarr minn dawk li jifilħu l-inqas waqt li dawk li pappewha tajjeb għal snin twal jibqgħu għaddejjin qisu xejn mhu xejn. Lanqas ma hu sewwa li l-ħaddiema jitpoġġew daharhom mal-ħajt billi jkunu mhedda li jekk ma jaċċettawx it-tnaqqis fil-pagi, xahar wara l-ieħor se jingħataw is-sensja, waqt li ma jingħatawx stampa ċara ta’ x’wassal biex il-kumpanija spiċċat f’xifer il-falliment. L-iskema tal-wage supplement m’għandhiex tkun ‘bail out’ jew mezz biex ikunu bilanċjati l-kotba bl-iskuża tal-pandemija. Għalhekk il-UHM Voice of the Workers tappella lill-Gvern biex ikun viġilanti fuq dawk il-kumpaniji fejn il-ħaddiema għadhom b’kundizzjonijiet imnaqqsa biex dawn il-miżuri ma jitwalux bla bżonn. Ikun biss meta l-ebda ħaddiem ma jibqa’ fuq din l-iskema u jieħu li hu intitolat għalih li nistgħu ngħidu li nkunu qbadna t-triq tan-norm