Li jkollok it-tpinġija m’għadhiex taffettwa ċ-ċansijiet li ssib impjieg
Għall-kuntrarju mit-twemmin popolari, li jkollok tpinġija m’għadhiex ixxekkel iċ-ċansijiet li ssib ix-xogħol.
Studju ġdid li sar mill-Universita’ ta’ Miami u mill-Universita’ ta’ Western Australia, u li kien pubblikat fil-ġurnal Human Resources, sab li l-perċezzjoni tat-tpinġija fil-post tax-xogħol tant inbidlet f’dawn l-aħħar snin li l-arti fuq il-ġisem li tkun viżibbli m’għadhiex marbuta ma’ impjieg tal-individwu jew diskriminazzjoni fis-salarji.
Skont tagħrif miġbur minn fost aktar minn 2,000 parteċipant mill-istati kollha tal-Istati Uniti, jirriżulta li s-salarji annwali ta’ ħaddiema bit-tpinġija kienu statistikament simili għal dawk li m’għandhomx.
Fil-fatt, anki f’Malta, instab li persuni bit-tpinġija mhux biss għandhom iċ-ċans li jsibu impjieg daqs kandidati oħrajn li m’għandhomx tpinġija imma, f’xi każijiet, ikunu aktar probabbli li jiġu offruti impjieg. Il-perċezzjonijiet tan-nies hemm barra lejn it-tpinġija nbidlet ħafna, b’aktar u aktar nies qed jagħmlu t-tpinġija fuq ġisimhom. Dan jista’ jkun spjegat bil-fatt li ħafna żgħażagħ għamlu xi tpinġija f’dawn l-aħħar snin, u malli jikbru fl-eta’, għad narawhom bħala managers jew f’xi kariga prestiġjuża. Dawn iż-żgħażagħ aktar qed jaċċettaw li jagħmlu xi tpinġija minn kollegi oħrajn ikbar minnhom fl-eta’.
Lura għall-istudju, ir-riżultati ġodda wkoll isegwu linji tradizzjonali ta’ ħsieb li jissuġġerixxu li sidien jew diretturi ta’ postijiet tax-xogħol għadhom iħarsu lejn persuni bit-tpinġija b’disprezz. Xi aġenziji lokali għar-reklutaġġ tal-ħaddiema qed iħeġġu lill-kumpaniji biex jibdlu l-attitudnijiet tagħhom lejn it-tpinġija, u jargumentaw li l-kumpaniji qed jitilfu nies ta’ talent minħabba l-attitudnijiet antikwati tagħhom. Madankollu, xi kumpaniji u managers individwali għadhom imħassba dwar id-dehra li t-tpinġija fuq l-impjegati tagħhom tagħti lill-klijenti.
Voice of the Workers jikkontendi li l-postijiet tax-xogħol għandhom kull dritt li jkollhom regolamenti marbutin mal-apparenza tal-ħaddiema waqt il-ħin tax-xogħol. Imma dawn ir-regolamenti għandhom ikunu bbażati fuq il-liġi u fuq il-ħtiġiet tal-post tax-xogħol mhux skont il-preferenzi personali tal-managers.
Filwaqt li tibqa’ deċiżjoni leġittima tal-post tax-xogħol, kodiċi tal-ilbies li tirrestrinġi nies bit-tpinġija tista’ tfisser li l-istess postijiet tax-xogħol ikunu qed jitilfu mill-kapaċitajiet u t-talent tal-ħaddiema.