Dan l-aħħar qrajt artiklu fuq ġurnal dwar il-bżonn li studenti tas-Sekondarja jkunu jafu jagħtu l-Ewwel Għajnuna. Jalla! 

Idealment, iżda, l-Ewwel Għajnuna m’għandux ikun suġġett mgħallem bħas-suġġetti l-oħrajn fil-klassi. Naħseb li, mgħallem kemm ikun mgħallem tajjeb, wisq nibża’ li jibqa’ suġġett fejn l-istudenti jħarsu lejh b’mod li jgħaddi mal-oħrajn fil-kurrikulu. 

Għall-kuntrarju, jekk l-Ewwel Għajnuna jiġi introdott lill-istudenti tas-Sekondarja f’ambjent rilassat, naħseb li jiġi apprezzat u mifhum aħjar. 

Fl-artiklu li qrajt, qamet il-mistoqsija jekk l-istudenti għandhomx jitgħallmu kif jagħtu s-CPR, jew aħjar l-għoti tan-nifsijiet u l-kompressjonijiet fuq il-qalb f’każ li persuna tintilef minn sensiha u tiqfilha qalbha. Esperti fl-Ewwel Għajnuna jisħqu li s-CPR għandu jingħata bħala l-aħħar ħaġa. Meta wieħed ikun imħarreġ fl-Ewwel Għajnuna, jaf li min jeħtieġ l-assistenza hemm probabbilta’ kbira li ma jitwassalx sa dak l-istadju. Madankollu, hemm każi fejn l-għoti tas-CPR jingħata meta persuna tiqaflu qalbu. Dak li jkun jaf xi jkun qed isir lill-ġisem, jaf kif se tirreaġixxi l-persuna midruba. 

Ġemma Sirol, il-Kummissarju tas-St. John Ambulance, tkellmet ma’ Voice of the Workers u qalet li “min jgħallem lill-istudenti jrid ikun kapaċissimu u jgħaddilhom il-messaġġ tajjeb”. Is-CPR hi xi ħaġa teknika fl-Ewwel Għajnuna  u wieħed irid ikun  jaf għaliex qed jagħmilha u jagħmilha  malajr  mingħajr telf ta’ żmien. “Ix-xewqa tiegħi hi li kulħadd jaf jagħmilha”, żiedet Ġemma  Sirol. 

F’ħafna postijiet tax-xogħol, insibu l-Automated External Defibrillator (AED). Gemma Sirol kienet skjetta fil-kummenti tagħha  u qalet li “jekk persuna mhix imħarrġa biex tagħmel is-CPR, m’għandhiex toħlom biex tuża l-AED”. Sirol tfakkar li meta wieħed jiġi biex juża l-AED irid ikollu lil xi ħadd bla ħajja quddiemu. Qatt mhu faċli li tgħaddi minn sitwazzjoni bħal din; lanqas jekk min jagħti l-Ewwel Għajnuna jkun kalm u plaċidu. Gemma Sirol tisħaq li “l-AED hu apparat tajjeb imma mhux xi kaxxa maġika….mhux kulħadd iġarrab mill-istess kundizzjoni tal-qalb”. Madankollu, min jagħti l-Ewwel Għajnuna jkun wettaq l-isforzi kollha biex persuna li waqfitilha qalbha tiġi salvata. 

Voluntieri tas-St. John Ambulance, bla dubju ta’ xejn, huma mħarrġa kif jużaw l-AED u dejjem jeħduha magħhom fl-ambulanza meta jkunu msejħu biex jipprovdu servizz waqt xi avveniment. Imma l-AED hi l-inqas apparat li jintuża għax sfortunatament bniedem ma jitlifx ħajtu biss għax tiqaflu qalbu; jista’ jmut għax ikun żvina jew minħabba raġuni oħra. It-teknika totali fl-applikazzjoni tal-Ewwel Għajnuna hi importanti ħafna. 

Issa l-Maltin kemm jieħdu l-Ewwel Għajnuna bis-serjeta’? Normalment aħna l-Maltin noħduha bis-serjeta’ meta jinqalagħlna xi ħaġa u ma nkunux nafu x’se naqbdu nagħmlu; jew meta jinqala’ xi ħaġa kbira fil-pajjiż li tqajjem furur. Imbagħad forsi nidħlu f’qoxritna u nattendu lezzjonijiet fl-Ewwel Għajnuna mas-St. John Ambulance jew mas-Soċjeta’ Maltija tas-Salib l-Aħmar. 

Hemm ukoll il-famużi resoluzzjonijiet tal-ewwel tas-sena. Ħafna nies, kull sena ġdida, jwiegħdu lilhom infushom biex jitgħallmu l-Ewwel Għajnuna. Imma qatt ma jżommu r-resoluzzjoni. Ilkoll kemm aħna nammettu li nagħmlu miljun oġġett u mbagħad ma nsibux ħin biex nitgħallmu jew naġġornaw ruħna fl-Ewwel Għajnuna.  

Lura għall-punt tat-tluq ta’ dan  l-editorjal. Tkellimna dwar il-ħtieġa li l-istudenti jkunu jafu l-Ewwel Għajnuna. Nosservaw  li studenti adoloxxenti jridu jimpressjonaw li issa kibru u allura jipprovaw  jagħmlu affarijiet li normalment jagħmluhom  il-kbar u, suppost, m’għandhomx jagħmluhom. Insemmu t-tipjip, ix-xorb alkoħoliku jew saħansitra s-sewqan. 

Issa jekk l-adoloxxenti, minflok, jagħmlu bħall-ġenituri li jafu jagħtu l-Ewwel Għajnuna, naħseb li jekk jinqala’ xi  ħaġa, per eżempju fost sħabhom, flok jippanikjaw ikunu lesti biex, bla tlaqliq, tiġi naturali għalihom li jaġixxu ħalli jgħinu lil ħaddieħor.