L-użu tal-mudell tal-blockchain kontra l-ispejjeż ta’ ditti żgħar u t-tisħiħ taċ-ċittadini
Skont il-Kumitat tal-Industrija fi ħdan il-Parlament Ewropew, l-użu tal-mudell tal-blockchain f’oqsma bħall-enerġija, katini tal-provvisti u l-governanza, jista’ jnaqqas l-ispejjeż għad-ditti u jsaħħaħ liċ-ċittadini.
It-transazzjonijiet tal-blockchain huma rekordjati minn diversi persuni, milli minn intermedjarji imħallsa, li xi kultant jitolbu ħlasijiet kbar. Il-mudell bħalissa hu l-aktar magħruf biex isostni l-funzjoni tal-kambji diġitali, bħall-Bitcoin.
Il-kumitat approva rakkomandazzjonijiet dwar kif wieħed japplika l-mudell tal-blockchain x’imkien ieħor, sabiex jinqatgħu l-ispejjez fl-intermedjazzjoni, isaħħaħ iċ-ċittadini u jgħin lill-Unjoni Ewropea sabiex issir mexxejja dinjija f’dan is-settur.
Mhux kollox hu dwar il-Bitcoin
It-test approvat jgħid li ċ-ċittadini jistgħu jużaw il-blockchains biex jiksbu kontroll sħiħ tal-informazzjoni tagħhom u jiddeċiedu x’tagħrif jistgħu jaqsmu, filwaqt li ditti żgħar u start-ups innovattivi jistgħu jużawhom biex jaqtgħu l-ispejjeż fl-intermedjazzjoni u jassiguraw li t-transazzjonijiet jitħaddmu b’mod effiċjenti.
L-Ewro Parlamentari jisħqu li l-applikazzjoni tal-mudell tal-blockchain għandha ssir f’oqsma bħall-konsum tal-enerġija, il-kura tas-saħħa, il-katini tal-provvisti, it-trasport, il-finanzi u l-industriji kreattivi.
Bħala eżempju, il-mudell jistga’ jgħin biex:
- Iħares l-oriġini tal-merkanzija, joffri iktar ċertezza li, per eżempju, li l-oriġini tad-djamanti ssir b’mod etiku, il-ħwejjeġ ma jsirux fi sweatshops u li flixkun tax-xampanja tassew jiġi minn Champagne;
- “Jiddemokratizza” s-suq tal-enerġija, billi jgħin lid-djar li jipproduċu l-enerġija biex jiskambjawha u jikkunsmawha mingħajr il-bżonn li jħallsu aġenzija intermedjarja, u;
- Joħloq arkivji bħal reġistri tal-artijiet, ċertifikati tat-twelid u liċenzji kummerċjali b’inqas dipendenza fuq l-avukati, nutara u uffiċjali tal-gvern.