L-istat Russu, u Vladimir Putin personalment, għandhom responsabbiltà kriminali u politika għall-mewt tal-avversarju l-aktar b’saħħtu tagħhom, Alexei Navalny, jgħidu l-MPE.

Il-Parlament Ewropew jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta’ Alexei Navalny u jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lil Yulia Navalnaya fid-determinazzjoni tagħha li tkompli l-ħidma tiegħu. F’riżoluzzjoni, huma jenfasizzaw li r-responsabbiltà kriminali u politika sħiħa għall-mewt tiegħu hija tal-istat Russu, u l-President tiegħu Vladimir Putin b’mod partikolari, li għandu jinżamm responsabbli.

Il-Membri jwissu li l-qtil ta’ Alexei Navalny huwa sinjal ieħor tar-repressjoni li qed tiżdied u li hija sistematika fir-Russja u jitolbu investigazzjoni internazzjonali indipendenti u trasparenti dwar il-qtil tiegħu sabiex tinkixef il-verità, u jiġu żgurati r-responsabbiltà u l-ġustizzja.

Is-sistema politika tar-Russja hija kkontrollata, ir-riżoluzzjoni tgħid, minn reġim awtoritarju, konsolidat bil-korruzzjoni rampanti li juża elezzjonijiet deċiżi minn qabel bħala taparsi demokrazija u jikkonċentra s-setgħa kollha f’idejn Vladimir Putin.

Appoġġ għall-oppożizzjoni demokratika fir-Russja

Filwaqt li jenfasizzaw li l-poplu tar-Russja ma jistax jiġi konfuż mar-“reġim tal-gwerra, awtokratiku tal-Kremlin”, il-MPE jesprimu s-solidarjetà tagħhom ma’ dawk kollha fir-Russja u lil hinn minnha li, minkejja r-ripressjoni brutali apposta u l-konsegwenzi personali serji, ikomplu jsibu l-kuraġġ biex jgħidu l-verità.

Alexei Navalny inkorpora l-ġlieda għal-libertà tar-Russja u għad-demokrazija fir-Russja bil-ħolma tiegħu ta’ “Russja sabiħa għall-futur” (Beautiful Russia for the future), jgħidu l-MPE, li appellaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikomplu juru solidarjetà li ma tfallix u jappoġġaw b’mod attiv is -soċjetà ċivili Russa indipendenti u l-oppożizzjoni demokratika.

Huma jħeġġu wkoll lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex isibu modi fattibbli biex jeħilsu lil dawk li jsofru minn priġunerija u repressjoni, speċjalment priġunieri morda jew politiċi li ġew ittorturati, inkluża il-possibbilta ta’ skambji ta’ ħabsin.

Appoġġ għall-Ukrajna hija l-aħjar tweġiba lill-Kremlin

Mill-bidu tal-invażjoni illegali tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022, l-awtoritajiet Russi żiedu r-repressjoni tagħhom tal-ilħna tal-oppożizzjoni fil-pajjiż, iwissu l-MPE, li jridu li l-UE, l-istati membri tagħha u sħab simili tagħha madwar id-dinja jkomplu l-appoġġ politiku, ekonomiku, finanzjarju u militari għall-Ukrajna bħala l-aħjar tweġiba għall-prattiki oppressivi u aggressivi attwali mir-reġim tal-Kremlin. Ir-rebħa deċiżiva tal-Ukrajna tista’ twassal għal bidliet ġenwini fil-Federazzjoni Russa, b’mod partikolari d-deimperializzazzjoni, id-dekolonjalizzazzjoni u r-refederalizzazzjoni, li kollha huma kundizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment tad-demokrazija fir-Russja.

Il-Parlament jistieden lill-Kummissjoni, u b’mod partikolari lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, biex jiżviluppaw politika strateġika proattiva u fit-tul fir-rigward tar-Russja li twieġeb b’mod effettiv għar-realtà tar-relazzjonijiet preżenti bejn l-UE u r-Russja, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u l-ħtiġijiet għall-appoġġ tas-soċjetà ċivili Russa u r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni fl-eżilju.

Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata b’506 vot favur, 9 kontra u 32 astensjoni.