Il-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia reġgħet ħarġet fid-dawl il-kriżi evidenti ta’ kontabbiltà li teżisti f’Malta. Is-sejbiet tal-inkjesta reġgħu qanqlu d-dibattitu dwar il-fallimenti tas-sistemi tal-Istat li jippermettu lil dawk fil-poter jevadu r-responsabbiltà filwaqt li joħolqu ċirku vizzjuż li minnu nnifsu joħloq inġustizzja.

Il-mewt ta’ Jean Paul Sofia ma kinitx biss inċident iżolat iżda sintomu ta’ telqa aktar profonda fi ħdan l-istrutturi ta’ governanza f’Malta. Minkejja l-wegħdiet ta’ trasparenza u ġustizzja, il-ġarr tar-responsabbiltà jidher li hu privileġġ riservat biss għal dawk li mhumiex fiċ-ċirku tal-qalba fid-dinja politika. Filwaqt li l-kapijiet tal-awtoritajiet, l-uffiċjali u l-impjegati taċ-ċivil jistgħu kultant jiffaċċjaw konsegwenzi għall-azzjonijiet tagħhom, l-istess ma jistax jingħad għall-politiċi li ħafna drabi jibqgħu ’il mil-liġi daqs li kieku kienu xi allat.

Il-konsegwenzi ta’ din l-inkjesta għal darb’oħra kixef it-tendenza li jekk se jtiru l-irjus, għalkemm xi ħaġa kemmxejn rari, il-politiċi xorta jżommu posthom. Individwi jistgħu jiġu mkeċċija, dixxiplinati, jew sfurzati jirriżenjaw, iżda din l-azzjoni punittiva ħafna drabi ma tolqox dawk li fl-aħħar mill-aħħar jieħdu l-aħħar deċiżjon. Agħar minn hekk, hemm it-tendenza li wara ftit taż-żmien dawk li jitwarrbu jiġu riabilitati, fejn individwi mkeċċija mill-pożizzjonijiet tagħhom jiġu integrati mill-ġdid malajr f’karigi oħra  ladarba l-kontroversja pubblika tonqos.

Prassi bħal  din mhux biss iddgħajjef il-fiduċja tal-pubbliku fl-integrità tal-istituzzjonijiet ta’ Malta iżda toħloq ukoll kultura ta’ impunità fost il-klassi politika. Meta dawk responsabbli għat-tiswir tal-politika u l-governanza ma jkun jista’ għalihom ħadd, jintbagħat messaġġ perikoluż li r-responsabbiltà hija biss formalità aktar milli pilastru fundamentali tad-demokrazija.

Barra minn hekk, il-fatt li ma jkunx hemm konsegwenzi sinifikanti għal dawk fil-poter jrawwem kultura ta’ xejn mhu xejn u indifferenza lejn il-qagħda mwiegħra taċ-ċittadin. Meta jseħħu traġedji bħall-mewt ta’ Jean Paul Sofia, in-nuqqas ta’ responsabbiltà vera sservi biss biex iżid id-dwejjaq tal-familji tal-vittmi u jnaqqas il-fiduċja pubblika fil-kapaċità tal-Istat li jagħmel ġustizzja.

Jekk Malta trid teħles minn dan iċ-ċiklu ta’ impunità u inġustizzja, hemm bżonn ta’ riformi urġenti biex jiġi żgurat li l-kontabilità tkun tassew infurzata fil-livelli kollha tat-tmexxija. Dan jirrikjedi mhux biss li l-politiċi ikollhom l-istess standards ta’ responsabbiltà bħal uffiċjali pubbliċi oħra iżda wkoll li jiġu implimentati mekkaniżmi biex tiġi evitata r-riabilitazzjoni ta’ individwi li jkunu naqsu mid-doveri tagħhom.

Barra minn hekk, irid ikun hemm sforz qawwi biex titrawwem kultura ta’ trasparenza u responsabbiltà fi ħdan l-istituzzjonijiet ta’ Malta, fejn il-ħażin iġib miegħu ċertu konsegwenzi. Hekk biss tista’ l-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia twassal għall-bidla vera fejn kulħadd iġorr ir-responsabbiltà ta’ għemilu mill-kbir saż-żgħir.