F’diskors li għamel dan l-aħħar waqt sessjoni speċjali tal-parlament, il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Voice of the Workers Josef Vella tkellem dwar il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali fil-qasam tax-xogħol. Kien diskors b’enfasi fuq il-prekarjat u l-isfruttament tal-ħaddiema barranin, li enfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati d-differenzi u l-inġustizzji fid-dinja tax-xogħol tal-preżent.

L-enfasi fuq l-impjiegi prekarji titfa’ dawl fuq settur dejjem jikber tas-suq tax-xogħol li qed jiffaċċja kundizzjonijiet foqra jekk mhux taħt dak li tippermetti l-liġi, u xi drabi kkaratterizzati minn instabbiltà, inċertezza, u nuqqas ta’ benefiċċji. Din ir-realtà tikkontradixxi bis-sħiħ il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali, li jitlob trattament ġust u opportunitajiet indaqs għall-individwi kollha fuq il-post tax-xogħol.

Aspett importanti f’dan id-diskors kienet is-sejħa biex jittaffa l-piż finanzjarju fuq il-ħaddiema billi ż-żieda għall-għoli tal-ħajja u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma jibqgħux jiġu ntaxxati. Jekk se jibqa’ jsir l-argument li miżuri bħal dawn ma jsirux għax se jnaqqsu mid-dħul tal-gvern, inutli nkomplu nagħmlu l-eloġji fuq it-tkabbir ekonomiku. Jekk meta tikber l-ekonomija, il-ġid mhux qed jitqassam allura m’hemmx ġustizzja soċjali.

Tħassib ieħor li semma’ il-Kap Eżekuttiv tal-UHM u li jimmerita attenzjoni huma x-xejriet differenti  fis-sħubija fil-unions, bejn min iħaddem u l-ħaddiema stess. Statistikament jirriżulta li f’Malta għal kull employer imsieħeb fl-għaqdiet ta’ min iħaddem hemm 10 ħaddiema imsieħba f’union.

Dan ma jfisser xejn ħlief li waqt li l-employers fehmu l-bżonn tal-unions tagħhom mhux l-istess qed jiġri fil-kamp tal-ħaddiema fejn ir-rata ta’ sħubija naqset minn 49% għal 35%. Dan mhux qed jiġri biss f’pajjiżna iżda fl-Ewropa kollha. Il-kuntrast qawwi jenfasizza żbilanċ fundamentali fis-setgħa tan-negozjar u r-rappreżentanza fis-suq tax-xogħol. L-indirizzar ta’ din il-kwistjoni jeħtieġ sforzi koordinati biex tiġi promossa s-sħubija f’unjins u n-negozjar kollettiv.

Madankollu, it-twissija tal-Kap Eżekuttiv tal-UHM kontra miżuri kożmetiċi trid tingħata widen. Fl-aħħar mill-aħħar kull sforz irid jitkejjel skont il-livell tas-sħubija fil-unions. In-negozjat kollettiv u l-ammont ta’ membri irid jimxu id f’id.  Hu għalhekk li l-kwistjoni tal-free riders – li jibbenefikaw mis-servizzi tal-unjins mingħajr ma jikkontribwixxu finanzjarjament – toħloq theddida diretta għas-sostenibbiltà tal-unions. Jeħtieġ miżuri proattivi biex tiġi indirizzata din l-anomalija.

Il-qofol ta’  dan id-diskors jorbot mal-prinċipju tas-solidarjetà, u jenfasizza l-importanza ta’ appoġġ reċiproku u azzjoni kollettiva biex titmexxa ’l quddiem il-ġustizzja soċjali fuq il-post tax-xogħol. Is-solidarjetà vera teħtieġ impenn ġenwin għall-ġid ta’ ħaddieħor, ħieles mill-interess personali jew stennija li se tieħu xi ħaġa lura. Huwa dan l-ispirtu ta’ solidarjetà li jrid jiggwida l-isforzi biex jinħoloq ambjent ġust u ekwu fil-postijiet tax-xogħol.