L-inkjesta pubblika dwar it-traġedja ta’  Jean Paul Sofia kompliet tikkonferma n-nuqqasijiet gravi li bih ngħata l-permess għal dan l-iżvilupp u tal-infurzar tar-regolamenti eżistenti.

Il-konklużjonijiet jirriflettu dawk tal-inkjesta maġisterjali li kienet  pubblikata s-sajf li għadda li minnha kien ħareġ bl-aktar mod ċar il-kollass  totali  fl-industrija tal-kostruzzjoni speċjalment fl-ippjanar, nuqqasijiet strutturali, infurzar bla snien kif ukoll mankamenti istituzzjonali.

Filwaqt li l-inkjesta maġisterjali  iffokat fuq il-provi ta’ din it-traġedja bl-iskop li titfa’ dawl fuq min seta’ kien kriminalment responsabbli, dik pubblika  analizzat il-mod kif l-istituzzjonijiet tal-Istat użaw il-poteri tagħhom. Fi kliem ieħor analizzat jekk imxewx b’mod galbat u kif titlob il-liġi jew inkella kienux traskurati u għalqu għajnejhom għal nuqqasijiet kbar bir-riskji kollha li dan iġib miegħu.

Dawn kienu wħud  min-nuqqasijiet li ħarġu mill-inkjesta pubblika:

  • Allplus Limited, il-kumpanija li kienet ingħatat l-art pubblika biex tibni l-fabbrika f’Kordin fejn seħħet it-traġedja kienet ilha biss fis-settur tal-għamara ħames xhur li matulhom l-ordnijiet li rċeviet kienu ta’ €45,000 (meta llum għamara ta’ ċertu livell taf tiswik €10,000 jew iktar kull kamra). Fi kliem ieħor ftit li xejn kellhom esperjenza u kienu stabbiliti. Minkejja dan għataw biċċa art ta’ 300 metru kwadru! “Kien proġett sprovvist minn aċċertamenti tekniċi u finanzjarji oġġettivi u sostanzjali u ma kienx avvallat minn espert finanzjarju tas-settur”
  • L-investituri ma ntalbux jippreżentaw pjanti għall-iżvilupp li kienu se jagħmlu.

L-investiment li ntqal li se jsir ta’ €262,500 li jinkludi l-bini u l-makkinarju ma kienx realistiku u kien ferm inqas minn stima reali.

  • Id-due diligence tal-applikanti kien fjakk ħafna jekk mhux totalment ineżistenti tant li wara ħareġ, ma kellhomx esperjenza fil-qasam tal-għamara
  • Jekk il-Bord tal-Malta Enterprise kellu jadopera l-kriterji tal-approvazzjoni li xehed dwarhom il-Kap Eżekuttiv Kurt Farrugia allura l-proġett ma kellu qatt ikun approvat. Il-proġett ma kienx jagħmel sens bħala investiment, ma kienx se jwassal għall-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol imwiegħda, apparti li l-verifiki li saru ma kienu rigorużi xejn.
  • L-infurzar mill-Building Construction Agency kien bla snien tant li l-medja tal-valur tal-multi imposti meta nstabu xi irregolaritajiet f’siti ta’ kostruzzjoni kienet ta’ madwar €500 jew inqas.
  • L-awtoritajiet ma jitkellmux bejniethom dwar nuqqasijiet li jinnotaw imma moħħhom biss biex jfarfru dak kollu li mhux strettament responsabbiltà tagħhom. “Taqa’ d-dinja jekk meta jkun riskontrat periklu ikun hemm sharing ta’ dik l-informazzjoni bejn kull awtorità li tmiss mas-settur, imbagħad kulħadd jagħmel il-biċċa tiegħu? Mhux aħjar sorveljanza akbar (milli inqas) fejn jidħol il-periklu? Dik mhijiex prevenzjoni wkoll? Imma possibbli li s-settur tal-kostruzzjoni jidher li jinvolvi l-ġbid ta’ ħbula ta’ kull xorta li jobbliga lil kull min huwa tal-affari tiegħu li jagħlaq għajnejh? L-ebda qasam m’għandu jibqa’ barra mill-proċess ta’ kontroll u regolamentazzjoni, u allura kull informazzjoni li tinkiseb, ladarba hija ntiża għall-fini ta’ ġid, għandha tinfirex kemm jista’ jkun fl-interess tal-ġid komuni.”
  • Malta Enterprise u INDIS ma onorawx l-obbligi tagħhom skont il-liġi u skont ir-regoli tal-governanza tajba.

Il-bord ta’ inkjesta ġabar dan kollu bil-frażi ‘comedy of errors’ għalkemm fil-verità din hi traġedja.