“L-Unjoni Ewropea mhix kapaċi titratta bis-serjeta’ il-kriżi tal-immigrazzjoni illegali. Jien nittama li l-episodju tal-Aquarius jisforza lill-Unjoni Ewropea biex tqum mir-raqda li tinsab fiha u tindirizza l-kriżi sabiex ma nerġgħux nesperjenzaw sitwazzjonijiet redikoli. Dan biex nevitaw tbatija umanitarja bla bżonn minn min qed jokrob għal għajxien aħjar”. 

Dan qalu l-Professur Stephen Calleya, id-Direttur tal-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi (MEDAC), b’reazzjoni għas-saga tal-vapur tas-salvataġġ Aquarius, li spiċċa fl-aħbarijiet fid-9 ta’ Ġunju meta waqt li kien f’ibħra internazzjonali ‘l barra mill-kosti tal-Italja u ta’ Malta, ma tħalliex jidħol f’xi port taż-żewġ pajjiżi.  

Il-bastiment, immexxi mill-grupp Doctors Without Borders, kellu abbord madwar 630 immigrant, fosthom 123 minuri mhux akkumpanjati, 11-il tifel u tifla u sitt nisa li qed jistennew tarbija. 

Doctors Without Borders kienu appellaw, kemm lil Malta kif ukoll lill-Italja, biex jikkunsidraw  mill-ġdid ir-rifjut tagħhom u jħallu lill-immigranti biex jinżlu l-art u mbagħad jingħataw passaġġ sikur b’mezzi oħrajn lejn Spanja, li wieġbet għas-sitwazzjoni prekarja b’offerta li l-vapur isorġi f’port  sikur. 

Il-Professur Stephen Calleya, fisser f’intervista ma’ Voice of the Workers li dan il-każ juri li l-istat meskin li tinsab fih l-Unjoni Ewropea, b’nuqqas serju ta’ tmexxija fl-istituzzjonijiet kollha fi ħdanha. “Jidher  li l-istituzzjonijiet fl-UE, b’mod ġenerali, qed jesponu nuqqas ta’ azzjoni fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Mediterran”, saħaq il-Professur Calleya, filwaqt  li żied li “qed jintqal ħafna diskors, isiru ħafna pożi għar-ritratti u meta niġu għall-effettivita’ tal-Unjoni Ewropea, din qed tisgarra u tmur żmerċ”.  

Hu qal li dan l-episodju evolva b’ċertu mod tant li poġġa lill-Italja u lil Malta fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Hu qal li hi sfortuna li l-fenomenu tal-immigrazzjoni fil-Mediterran tħalla jespandi f’din id-direzzjoni għax ilu magħna għal diversi snin. Il-fatt li Malta u l-Italja huma pajjiżi strateġiċi għall-immigranti biex ifittxu futur aħjar, huwa każ ta’ min se jassumi r-responsabbilta’ peress li m’hemm ebda impenn kollettiv  Ewropew. 

Il-Professur Calleya qal li issa wasalna fl-estrem li r-relazzjonijiet diplomatiċi, (mhux biss bejn Malta u l-Italja imma mal-pajjiżi Ewropej kollha), saru ħafna sensittivi u kumplikati. “Fl-aħħar mill-aħħar kont nistenna li l-pajjizi, speċjalment dawk fl-Unjoni Ewropea, isibu inizjattivi komuni sabiex jittrattaw tali kwistjonijiet”, saħaq il-Professur Calleya. 

Mistoqsi jekk il-Gvern Malti aġixxiex sew skont il-Liġi Internazzjonali, il-Professur Calleya wieġeb fl-affermattiv u żied li kif inhuma l-affarijiet bħalissa l-ħidma tal-Unjoni Ewropea biex tiddistribwixxi l-immigranti skont il-Konvenzjoni ta’ Dublin, jiġifieri li dawn in-nies jitwasslu lejn l-eqreb port, “hi fil-fehma tiegħi redikola imma hekk tgħid il-Liġi”. Għaldaqstant l-eqreb port huwa fid-dmir li jassumi r-responsabbilta’ u f’dan il-każ ir-responsabbilta’ kellha  taqa’ fuq l-Italja. “F’termini legali, Malta mxiet skont il-liġi imma f’termini oħrajn hemm lok għall-interpretazzjoni….oġġettivament nitkellmu f’termini legali u skont is-saltna  tad-dritt”,  sostna l-Professur Calleya. 

Intant f’Palermo fi Sqallija fit-12 ta’ Ġunju, 20 deputat reġjonali tal-Movimento Cinque Stelle telqu ‘l barra mill-Parlament Reġjonali malli bdiet titkellem il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca. Id-deputati tal-moviment Cinque Stelle qalu li huma ħarġu ‘l barra mill-Parlament bħala protesta kontra l-atteġġjament ta’ Malta fil-konfront tal-immigranti. 

Dwar dan  il-każ, il-Professur Stephen Calleya stqarr li dan l-aġir juri kemm dawn id-deputati huma injoranti. “Affari tagħhom għax kulħadd hu intitolat għall-opinjoni tiegħu…imma kif nifhimha jien dan l-atteġġjament mhu xejn għajr espressjoni ta’ injoranza”, qal il-Professur Calleya. 

Dwar il-qagħda  tal-immigrazzjoni fil-Mediterran, il-Professur Calleya qal bla tlaqliq li dan il-fenomenu mhux se jħallina u għaldaqstant ikompli jenfasizza d-dgħufija assoluta tal-Unjoni Ewropea li, għal diversi snin, tkellmet fuq li tkellmet dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni mingħajr ma ġiet b’soluzzjonijiet adekwati  li jrendu r-riżultati. 

Hu rrefera għad-diskussjonijiet li kienu saru u  li minnhom ħarġu diversi proposti partikularment l-insistenza li pajjiżi differenti jilqgħu numru ta’ immigranti sabiex is-sitwazzjoni tkun immexxija aħjar. Fil-fatt Malta kienet ilha tagħmel dan matul is-snin. “Iżda assolutament ma jagħmilx sens li m’hemmx impenn komuni fost l-istati membri biex jaqsmu l-piż”, tenna l-Professur Calleya. 

Skont id-Direttur tal-MEDAC, “l-episodju tal-immigranti abbord il-vapur Aquarius mhux se jkun l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu matul dan is-sajf għax sfortunatament mistennija naraw episodji oħrajn peress li qed ikunu traffikati għexieren ta’ persuni minn gruppi organizzati llegalment”.  

Il-Professur Calleya temm jgħid li jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin hekk u ma jinbidlux, aktar u aktar ċittadini Ewropej se jitilfu, mhux biss l-fiduċja, imma anki l-interess fl-Unjoni Ewropea. Konsegwentament se nispiċċaw biex anki fl-elezzjonijiet Ewropej iċ-ċittadini jivvotaw għal partiti alternattivi, jew populisti, flok dawk tradizzjonali.