L-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol għal darb’oħra ilmentat li l-infurzar tal-liġijiet qed ikun imxekkel bid-dewmien fil-qrati fejn bħalissa in-numru ta’ każi li għad iridu jibdew jinstemgħu tela’ għal 800.

“Is-sitwazzjoni attwali thedded il-prinċipju li ssir ġustizzja fi żmien raġonevoli, bir-riskju li l-każi jsiru preskritti”.

Dan it-tħassib serju kien espress fir-rapport annwali tal-2021 fejn kien innotat li minkejja li saru aktar seduti tal-qorti mis-snin l-imgħoddija, għad hemm problema fejn jidħlu l-kawżi ġodda. L-Awtorità esprimiet il-frustrazzjoni tagħha li minkejja li kienet ilha s-snin tilmenta fuq din il-kwistjoni, kien jeħtieġ li jsir sforz ferm ikbar.

F’kummenti li kien ta lil Times of Malta fl-2020, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Mark Gauci kien wissa li sakemm dan id-dewmien fil-qrati ma kienx se jiġi indirizzat, kien se jkun kważi impossibbli li jiżdied l-infurzar u jitjiebu l-istandards tas-sigurtà.

Il-fatt li għaddew sentejn u l-lista ta’ stennija tal-każi fil-qrati irdoppjat qed iqanqal tħassib li s-sitwazzjoni qed tmur għall-agħar. Dan id-dewmien ifisser li qed ikun hemm ċirkostanzi fejn fl-istess post tax-xogħol ikun hemm irregolaritajiet għal iktar minn darba, fosthom siti ta’ kostruzzjoni. Dan minħabba l-fatt li x-xogħlijiet jitħallew ikomplu mill-mument li jiġi indirizzat il-ksur tal-liġi, minkejja l-każ ikun għadu ma nstemax il-qorti. Konsegwentement, l-infurzar mhux qed iservi bħala deterrent.

Każijiet dwar ksur ta’ provedimenti fir-regolamenti tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Il-kawżi kollha jinstemgħu u jiġu deċiżi b’mod sommarju f’seduta waħda u jekk il-prosekuzzjoni tonqos milli tressaq l-aħjar evidenza il-persuna akkużata tkun liberata. Dan joħloq diversi sfidi peress li f’dawk il-każijiet fejn xhud għal xi raġuni jonqos milli jiġi nnotifikat, l-akkużat jiġi ma jeħel xejn.

Matul l-2021, tħassru numru ta’ seduti tal-qorti, b’seduta waħda biss matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena. Is-seduti tal-Qorti reġgħu bdew f’Ottubru, bil-kawżi jiġu assenjati lil Maġistrat differenti.

Minn Ottubru, il-Qorti bdiet tippermetti l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ġuramentati minn Uffiċjali tal-Awtorità li għalhekk ma kinux meħtieġa li jkunu preżenti fl-awla. Madankollu, min ikun akkużat għandu d-dritt li jeżamina xhud li jippreżenta l-affidavit, billi jinforma lill-pulizija.

Minkejja l-isforz mill-qrati u l-awtoritajiet biex iwasslu t-taħrika, diversi kawżi jiġu differiti meta t-taħrika tibqa’ ma tasalx. Numru sostanzjali minn dawn il-każi jinvolvu barranin li ma jkunu instabu mill-pulizija.

Ir-rapport jgħid li fl-2021 kien hemm disa’ mwiet fuq il-post tax-xogħol, li kollha kienu rġiel. Tlieta biss mill-vittmi kienu Maltin, u sitt każijiet kienu jinvolvu impjegati bil-bqija kienu jaħdmu għal rashom. Bħas-snin preċedenti ħafna minn dawn l-imwiet seħħew fl-industrija tal-kostruzzjoni jew kienu relatati ma’ dan is-settur bħal waqt l-installazzjoni ta’ pannelli solari.

Sitt imwiet rriżultaw minn waqgħat mill-għoli, tnejn intlaqtu minn oġġett, filwaqt li wieħed miet fgat waqt li kien qed jagħmel xogħlijiet fi spazju ristrett. L-Awtorità innotat li xejra bħal din tindika li l-ħtieġa li l-operaturi fis-settur tal-kostruzzjoni jindirizzaw b’mod aktar rigoruż ir-riskji ta’ waqgħat mill-għoli, filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa għal identifikazzjoni komprensiva tal-perikli, evalwazzjoni u kontroll tar-riskji, tkun xi tkun in-natura tax-xogħol.