F’Jum l-Ewropa, il-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill irċevew ir-rapport finali bi proposti għar-riforma tal-UE. F’ċerimonja tal-għeluq fi Strasburgu, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, f’isem il-Presidenza tal-Kunsill, il-President Emmanuel Macron, u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen irċevew ir-rapport finali dwar l-eżitu tal-Konferenza mingħand il-Kopresidenti tal-Bord Eżekuttiv tal-Konferenza.

Dan il-vjaġġ bla preċedent ta’ sena ta’ diskussjoni, dibattiti u kollaborazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-politiċi wassal għal rapport iċċentrat fuq 49 proposta li jinkludu objettivi konkreti u aktar minn 320 miżura biex l-istituzzjonijiet tal-UE jimplimentaw, maqsuma f’disa’ suġġetti: it-tibdil fil-klima u l-ambjent; is-saħħa; ekonomija aktar b’saħħitha, ġustizzja soċjali u impjiegi; L-UE fid-dinja; il-valuri u d-drittijiet, l-istat tad-dritt, is-sigurtà; it-trasformazzjoni diġitali; Id-demokrazija Ewropea; il-migrazzjoni; l-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport. Il-proposti huma bbażati fuq rakkomandazzjonijiet magħmula minn ċittadini li ltaqgħu fil-Panels taċ-Ċittadini Ewropej, Panels Nazzjonali taċ-Ċittadini u kkontribwew l-ideat tagħhom fuq il-Pjattaforma Diġitali Multilingwi.

Matul l-aħħar sena, permezz ta’ għadd kbir ta’ avvenimenti u diskussjonijiet organizzati madwar l-UE, panels taċ-ċittadini nazzjonali u Ewropej, laqgħat plenarji kif ukoll skambji fuq il-Pjattaforma Diġitali Multilingwi ddedikata, il-Konferenza saret forum verament miftuħ biex tiġi diskussa l-Ewropa li rridu ngħixu fiha. Dan ippermetta dibattitu trasparenti, inklużiv u strutturat maċ-ċittadini Ewropej dwar il-kwistjonijiet li huma ta’ rilevanza għalihom u għall-futur tagħhom.

Il-ħidma tal-Parlament Ewropew

Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-eżitu tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa adottata fl-4 ta’ Mejju, il-Parlament Ewropew laqa’ u approva l-konklużjonijiet tal-Konferenza. Il-MPE irrikonoxxew li l-proposti tagħha jeħtieġu bidla fit-Trattat u talbu lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali biex iħejji proposti għar-riforma tat-Trattati tal-UE, proċess li jsir permezz ta’ Konvenzjoni f’konformità mal-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Tista’ ssib sommarju indikattiv tal-pożizzjonijiet tal-Parlament u l-ħidma li għaddejja b’rabta mal-proposti tal-Plenarja tal-Konferenza f’din in-nota ta’ sfond.

Il-Passi li Jmiss

It-tliet istituzzjonijiet issa ser jeżaminaw kif għandhom isegwu b’mod effettiv dawn il-proposti, kull wieħed fl-isferi ta’ kompetenza tiegħu stess u f’konformità mat-Trattati. Se jsir avveniment ta’ feedback biex iċ-ċittadini jiġu aġġornati fil-ħarifa tal-2022. Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa kienet proċess ġdid u innovattiv, eżerċizzju minn isfel għal fuq għall-Ewropej biex isemmgħu leħinhom dwar dak li jistennew mill-Unjoni Ewropea. Ċittadini Ewropej ta’ oriġini ġeografika, sess, età, sfond soċjoekonomiku u/jew livell ta’ edukazzjoni differenti pparteċipaw fil-Konferenza, biż-żgħażagħ Ewropej ikollhom rwol ċentrali.