Għalkemm l-istat tat-toroq f’Għawdex hu kemxejn inferjuri meta’ mqabbel ma’ Malta, ftit li xejn isiru talbiet għall-kumpens minħabba ħsarat kawżati fil-karozzi. Dan jixhdu l-fatt l-Ministeru għal Għawdex ftit li xejn irċieva talbiet bħal dawn.

Informazzjoni li tqegħdet dan l-aħħar fil-parlament turi li fl-2022, ġew ippreżentati tliet talbiet biss li minnhom 2 ġew aċċettati, għal valur totali ta’ €1,527.37. Dawn iż-żewġ ilmenti tressqu minn sewwieqa li sofrew ħsara fil-karozza tagħhom waqt li kienu qed isuqu fir-Rabat, filwaqt li lment simili din id-darba dwar l-istat ta’ triq f’Għajnsielem ġie ma ntlaqax.

Is-sena li għaddiet, saru biss ħames talbiet li minnhom tlieta ġew milqugħa u tnejn kienu għadhom mhux deċiżi. Din id-darba l-ilmenti tressqu fuq danni li saru fir-Rabat, il-Munxar u Għajnsielem għal somma totali ta’ €1,311.14.

Fit-tweġiba li ngħata mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri lid-Deputat Nazzjonalista Chris Said ma  ngħatawx iktar dettalji.

It-talbiet għal kumpens normalment jiġu ttrattati mill-aġenzija Infrastructure Malta fil-każ ta’ toroq arterjali jew mill-kunsilli lokali fil-każ ta’ toroq li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom. F’dan ir-rigward, ma ngħataW l-ebda spjegazzjoni għaliex il-kumpens f’Għawdex ingħata mill-ministeru  u  mhux milli mill-kunsill lokali jew minn IM.

Skont informazzjoni mressqa fil-parlament f’Mejju tas-sena l-oħra, mill-bidu tal-2021 sa dak ix-xahar partikolari, il-kunsill lokali li rċieva l-akbar numru ta’ ilmenti kien is-Siġġiewi bi 42 talba segwit min-Naxxar (35), il-Mosta u San Pawl il-Baħar (27 kull wieħed).

Għal darb’oħra ftit li xejn ġew ippreżentati lmenti f’Għawdex bl-uniċi eċċezzjonijiet ikunu x-Xagħra (6), x-Xewkija (5), l-Qala (2), r-Rabat, Għajnsielem, Ta’ Kerċem u l-Munxar (ilment kull wieħed).

Talbiet ta’ kumpens f’toroq arterjali jew distributuri jistgħu jiġu sottomessi billi timla din il-formola online. F’każ bħal dan l-applikant jeħtieġ li jipprovdi ritratti tal-ħsarat, dettalji tal-post u irċevuti bħala prova tat-tiswijiet.