L-importanza tar-rispett f’soċjeta’ egoista
Wieħed mill-aktar elementi kruċjali li jżomm is-soċjetajiet b’saħħithom huwa r-rispett. Ir-rispett jibda mill-adulti u jgħaddi għand l-adoloxxenti, imbagħad għand it-tfal. Ma nafx jekk taħsbuhiex bħali imma nħoss li wħud mill-adoloxxenti u ż-żgħażagħ tal-lum mhumiex qed ikunu rispettużi biżżejjed. Dan mhux sew għax dawn huma l-ġenerazzjonijiet li jista’ jkollhom pożizzjonijiet importanti fil-futur.
Huwa l-għan komuni tal-ġenituri u tal-edukaturi li ngħallmuhom kif juru rispett. It-tfal issoltu jieħdu dak li l-ġenituri jew in-nies ta’ madwarhom juru u jaġixxu skont kif ikunu mgħallma. Jekk ma nuruhomx kif għandhom iġibu ruħhom, ma jistax ikollna aspettattivi għoljin mingħandhom. Hemm diversi konsegwenzi negattivi ma ngħallmux l-importanza tar-rispett lit-tfal.
Sabiex noħolqu futur aħjar għalihom, it-tfal u l-adoloxxenti jridu jkunu konxji tal-fatt li r-rispett u l-ugwaljanza jgħinuhom biex ikollhom futur promettenti. Jekk ma jirrispettawx lilhom infushom, ma jistgħux jagħmluha mal-oħrajn u l-istess opportunitajiet ma jistgħux jingħataw lil kulħadd. Tistgħu timmaġinaw klassi fejn l-istudenti kollha jkunu kontra xulxin? Huwa l-istess bħas-soċjeta’. Meta n-nies ma jkunux rispettużi lejn xulun, ma jistgħux jifformaw nazzjon.
Il-ġenituri huma importanti f’dan il-proċess. Il-ġenituri mhux biss għandhom jgħidu lil uliedhom biex juru rispett lejn ħaddieħor. Mhux mod effiċjenti biex ngħallmu t-tifsira tal-kelma rispett. Per eżempju, meta t-tfal iridu jiddeċiedu fuq xi ħaġa, il-ġenituri għandhom jisimgħuhom anki jekk dik id-deċiżjoni ma tiswa xejn. Jekk uliedna jaraw li qed jieħdu l-attenzjoni u r-rispett meta jridu jgħidulna xi ħaġa, żgur li jikkupjaw din l-attitudni u jagħmluha f’ħajjithom.
L-edukazzjoni wkoll hi relatata mar-rispett. Meta nkun miexi fit-triq, xi kultant nara xi sewwieqa li ma jagħtux kas tad-drittijiet ta’ min ikun miexi. Jista’ jkun eżempju stupidu, imma meta tara nies li ma jurux rispett fit-traffiku, kif tistenna li uliedhom ikunu rispettużi lejn għajrhom? Kif wieħed jista’ jara, it-tagħlim tar-rispett jibda b’affarijiet żgħar fis-soċjeta’ fejn kulħadd jista’ jagħmel xi ħaġa. Jekk turi rispett, uliedek jagħmlu l-istess.
Ir-rispett huwa element prinċipali li jsawwar is-soċjeta’. Ma jimpurtax min int jew fejn tgħix. Ir-rispett għandu jintwera dejjem u kullimkien – speċjalment f’dan iż-żmien egoist tal-lum.