L-era diġitali qed tħaffef il-passi tagħha u fost il-ħaddiema jeżisti tħassib li r-robots jistgħu jibdlu l-attivita’ umana. Iżda lil hinn minn dan kollu hemm fattur bażiku li qed iqajjem mistoqsija partikulari: il-metodoloġiji tat-tagħlim imħaddma llum qed jippreparaw lill-ġenerazzjoni żagħżugħa b’mod adekwat biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa li s-suq tax-xogħol ta’ għada għandu bżonn? 

Id-dinja li qed ngħixu fiha għaddejja minn bidliet mgħaġġlin fejn it-trasformazzjoni hija realta’ aċċellerata, fost oħrajn, mill-era diġitali. Wieħed jistaqsi hekk bħala pajjiż aħniex mgħammra biżżejjed għal din it-trasformazzjoni u jekk is-sistema edukattiva tagħna hix ħafifa biżżejjed fid-dawl ta’ dawn il-bidliet aċċellerati. Kemm huma ppreparati l-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada, kemm huma ppreparati l-ħaddiema u kemm huma ppreparati l-mexxejja tal-lum u ta’ għada għal din il-ħeffa u l-flessibbilta’? 

Il-preferenzi, l-imġieba u l-komunikazzjoni tal-individwi qed jevolvu, u l-mod kif l-organizzazzjonijiet qed jaħdmu wkoll qed jinbidel. Din il-bidla tpoġġi mistoqsijiet importanti dwar il-ħiliet, li se jkunu meħtieġa fil-futur, is-suppożizzjonijiet tagħna dwar il-karrieri u x-xogħol, u l-limitu li l-Intelliġenza Artifiċjali, it-tagħlim tal-magni, l-awtomatizzazzjoni tal-proċess robotiku se jsaħħu, inaqqsu jew jibdlu l-attivita’ umana. 

Issa, aktar minn qatt qabel, l-edukaturi tagħna, min iħaddem u l-mexxejja fin-negozju huma meħtieġa li jikkollaboraw biex jantiċipaw, jippjanaw u jimplimentaw strateġija ħolistika biex Malta tkun kapaċi tfassal il-ħaddiema tal-futur. Imma jeħtieġ li naġixxu b’mod mgħaġġel jekk irridu nibqgħu rilevanti u kompetittivi. 

Nemmen bi sħiħ li l-isfidi u l-opportunitajiet li qed naffaċċjaw huma nazzjonali u mhux speċifiċi skont il-professjoni. Huma tabilħaqq rifless tax-xejriet kbar u l-pass tal-bidla li qed naffaċċjaw li tassew miexi b’rata mgħaġġla. 

Il-bidla li hi meħtieġa trid tibda fil-qalba tas-sistema edukattiva tagħna. Teħtieġ li tiffoka fuq il-viżjoni tal-pajjiż għall-edukazzjoni, il-kwalita tat-tagħlim u l-ħeffa biex it-trasformazzjoni ssir u nibqgħu sostenibbli.