L-iffinanzjar tal-futur tal-Ewropa: il-budget tal-UE wara l-2020 irid jaqbel mal-miri tal-policies
L-Ewro Parlamentari wittew it-triq għall-budget li jmiss għal żmien fit-tul, li għandu jiffinanzja prijoritajiet ġodda kif ukoll jagħmel tajjeb għal xi nuqqas kawżat mill-Brexit.
Il-Parlament Ewropew addotta żewġ resoluzzjonijiet dwar l-ispiża u d-duħul tal-qafas finanzjarju mulit-annwali (MFF) li jmiss, li japplika mill-2021.
Il-MFF li jmiss irid jipprovdi l-mezzi biex jittratta l-isfidi l-ġodda
Il-Parlament irid li l-budget tal-UE jaqbel mal-prijoritajiet politiċi u jindirizza uħud mill-isfidi l-ġodda li qed jiffaċċjaw l-istati membri kollha, sew jekk għandhom x’jaqsmu mal-migrazzjoni, mad-difiża, mas-sigurta’ jew mal-bidla fil-klima. Huma jikkunsidraw li l-limitu preżenti dwar l-ispiża Ewropea jrid jogħla minn 1 fil-mija sa 1.3 fil-mija tal-GNI tal-UE, sabiex dawn l-oqsma ta’ prijorita’ ġodda jkunu finanzjati mingħajr ma jkunu sagrifikati l-ifqar reġjuni jew il-komunitajiet agrikoli.
Proposti ewlenin jinkludu t-tisħiħ ta’ programmi għar-riċerka, l-Erasmus+, l-Inizjattiva għaż-Żgħażagħ dwar ix-Xogħol u appoġġ lill-SMEs kif ukoll l-investiment fl-infrastruttura permezz tal-Connecting Europe Facility (CEF).