L-Ewro Parlamentari jsejħu lill-pajjiżi tal-UE sabiex itemmu prattiċi ta’ xogħol prekarju
Il-Parlament Ewropew, nhar il-Ħamis 31 ta’ Mejju, addotta resoluzzjoni li qed issejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-UE sabiex jittrattaw il-kwistjoni ta’ prattiċi ta’ xogħol prekarju u l-użu abbużiv ta’ kuntratti fissi ta’ xogħol fis-settur pubbliku u privat fl-UE.
Ir-resoluzzjoni tressqet mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament, li rċieva diversi petizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ każijiet inġusti u l-allegati kuntratti illegali ta’ xogħol u arranġamenti minn madwar il-pajjiżi kollha fl-UE.
Meħtieġa aktar spezzjonijiet
L-Ewro Parlamentari qalu li l-pajjiżi tal-UE iridu jiġġieldu l-prattiċi ta’ xogħol prekarju, magħrufin bħala kuntratti “zero-hour”, u jassiguraw li l-preċedent imwaqqaf mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-Liġi Ewropea dwar ix-Xogħol ikun rispettat b’mod sħiħ. Kuntratt “zero-hour” hu arranġament ta’ xogħol mingħajr numru minimu ta’ sigħat garantiti ta’ xogħol.
Spezzjonijiet fil-postijiet tax-xogħol huma wkoll meħtieġa sabiex il-ħaddiema li jkunu suġġetti għal arranġamenti ta’ kuntratti temporanji jew flessibbli jibbenefikaw minn tal-inqas l-istess protezzjoni bħall-impjegati l-oħrajn.
L-interpretazzjoni mill-qorti tal-UE li kuntratti fissi ripetuti għandhom jinbidlu f’kuntratti indefiniti għandha tiġi obduta mill-pajjiżi kollha fl-UE u mdaħħla b’mod konsistenti fil-qafas legali rispettivi tagħhom.
Ir-resoluzzjoni wkoll:
- Issejjaħ lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi fl-UE sabiex jassiguraw b’mod sħiħ il-ħlas indaqs għall-istess xogħol fl-istess post tax-xogħol;
- Tenfasizza li d-Direttiva Ewropea dwar il-Ħin tax-Xogħol għandha tkun applikata lill-ħaddiema fuq kuntratti “zero-hour”, sabiex ikunu koperti mir-regolamenti dwar il-perijodi minimi tal-mistrieħ u ħinijiet massimi tax-xogħol;
- Tistieden lill-pajjiżi tal-UE sabiex isaħħu l-livelli tal-impjieg f’xogħolijiet mhux konvenzjonali billi tipprovdi, minn tal-inqas, sett ta’ livelli minimi għal ħarsien soċjali, livelli minimi ta’ salarju u aċċess għat-taħriġ;
- Tirrinunzja t-tiġdid ta’ kuntratti fissi bl-iskop li jkunu koperti ħtiġiet li mhumiex temporanji, imma fissi u pernanenti;
- Tinsisti li l-pajjiżi tal-UE jevalwaw il-leġislazzjoni li tikkonċerna x-xogħol prekarju b’rabta mal-impatt tal-ġeneru, hekk kif in-nisa diġa’ jikkostitwixxu grupp li huwa rappreżentat iżżejjed u li se jkompli jkun affettwat.
Ir-resoluzzjoni kienet approvata bi 312-il vot favur, 75 vot kontra u 155 astensjoni.