L-ekonomija s-sewda, ħaddiema bi ħlas baxx u sħubija f’unjins
Il-ġlieda kontra l-isfruttament u l-abbuż tal-ħaddiema minn dejjem kienet waħda mill-funzjonijiet eżistenzjali ewlenin tat-trejdjunjins. Ladarba dawn l-isfidi jibdew jiġu indirizzati, il-unjins jistgħu jibdew iħarsu lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, għax il-unjins ma jeżistux biss biex jintervjenu kull meta jkun hemm ksur tal-liġi iżda wkoll biex jgħollu l-istandards b’mod ġenerali, li fl-aħħar mill-aħħar jirriżultaw fi kwalità ta’ ħajja aħjar.
Ħafna drabi l-abbużi jibdew meta d-differenza bejn min iħaddem, l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom tibda tiċċajpar. Hemm ukoll il-kunċett żbaljat li l-unjins jimpurtahom biss mill-interessi settorjali tagħhom u konsegwentement, m’hemmx benefiċċji għal dawk li mhumiex membri. Dawk li mhumiex membri xorta jistgħu jibbenefikaw minn pagi aħjar u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi tad-dħul. Bil-maqlub, fejn l-unjins u n-negozjar kollettiv huma dgħajfa, min iħaddem u l-alleati tagħhom ikollhom aktar suċċess biex jimbuttaw politiki u leġiżlazzjoni li jistgħu ma jkunux fl-interess tal-ħaddiema. Fil-qosor, moviment tax-xogħol b’saħħtu jipproteġi lill-ħaddiema, inaqqas l-inugwaljanzi, u jsaħħaħ id-demokrazija tagħna.
It-trejdjunjins huma għodda qawwija biex jiġġieldu l-isfruttament u l-ekonomija s-sewda. Ħaddiema bi dħul baxx għandhom ftit saħħa ta’ negozjar u konsegwentement huma aktar suxxettibbli li jkunu vittmi ta’ abbuż. Il-UHM temmen li biex niksbu suċċess hemm bżonn ikunu paternalistiċi, bħal f’aspetti oħra tal-ħajja li huma aċċettati bla problemi ta’ xejn. Huwa għalhekk li nemmnu fis-sħubija obbligatorja fit-trejdjunjins għall-ħaddiema bi dħul baxx.
Il-ġlieda kontra l-isfruttament ma tistax issir billi titfa’ l-kulħadd f’keffa waħda. Ħaddiema li huma mħallsa tajjeb u li l-ħiliet tagħhom huma mfittxija, ma jistgħux jitqabblu ma’ dawk b’ħiliet bażiċi li qed ifittxu impjiegi li għalihom hemm lista twila ta’ stennija. Tal-ewwel għandhom setgħa ta’ negozjar biex jinnegozjaw salarji tajbin u jfittxu xogħol ieħor jekk ikun hemm bżonn. Madankollu, xi ħadd b’ħiliet limitati li l-uniċi opportunitajiet tiegħu huma impjiegi fejn hemm kompetizzjoni qawwija se jkun f’pożizzjoni vulnerabbli. Jekk jilmentaw minn xi abbuż, x’aktarx li jitilfu l-impjieg tagħhom peress li s-sostitut tagħhom ikun iħabbat il-bieb. Sfortunatament, ħaddiema bi dħul baxx ħafna drabi jiġu ttrattati bħala oġġetti. Huwa f’dan il-kuntest li l-UHM qed tħeġġeġ is-sħubija obbligatorja fit-trejdjunjins. Bħalma s-sewwieqa huma obbligati bil-liġi li jassiguraw il-vettura tagħhom, l-UHM qed tirrakkomanda li ħaddiema bi dħul baxx jissieħbu f’unjin tal-għażla tagħhom bħala deterrent kontra l-abbuż. Għalhekk, is-sħubija hija forma ta’ assigurazzjoni għall-ħaddiema vulnerabbli.
Minn perspettiva legali kien hemm min qal li tali proposta tkun qed tikser id-dritt ta’ assoċjazzjoni. Il-ħaddiema jkollhom id-dritt li jissieħbu fi kwalunkwe trejdjunjin li jridu u jekk ħadd minn dawk offruti ma jissodisfa l-bżonnijiet tagħhom, dejjem jistgħu jagħżlu li jwaqqfu house union. Madankollu, jekk ikun hemm xi ħadd li xorta waħda xorta jirrifjuta li jissieħeb fi trade union, ikollu l-għażla li jħallas l-ekwivalenti tal-miżata tas-sħubija f’fond speċjali għat-taħriġ. Arranġament bħal dan jindirizza wkoll il-kwistjoni tal-free riders – dawk li mhumiex membri li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aħjar permezz ta’ ftehimiet kollettivi nnegozjati mill-unions. Jekk il-problema tal-free riders ma tiġix indirizzata jista’ jkun hemm żmien meta n-negozjar kollettiv jiġi mbuttat lejn l-estinzjoni… u magħha s-saħħa tal-ħaddiema.
Minħabba li sal-lum, is-suċċess f’din il-ġlieda kien limitat ħafna, wasal iż-żmien biex nibdew nikkunsidraw bis-serjetà din l-idea għal ħaddiema b’pagi baxxi.