Madwar id-dinja l-gvernijiet u l-esperti tas-saħħa, fosthom dawk Maltin, qed jaħdmu qatigħ biex jillimitaw it-tifrix tal-Coronavirus. Kampanji urġenti ta’ għarfien pubbliku qed isiru biex jinformaw lill-pubbliku dwar is-serjetà tal-COVID-19, il-marda li ħolqot il-virus. Miżuri soċjali biex wieħed jitbiegħed minn ħaddieħor, uħud volontarji u wħud li ġew imposti, ġew applikati f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja.

Dawn il-passi drastiċi huma neċessarji biex ikunu evitati l-mard u l-imwiet fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. L-akbar tħassib huma s-saħħa u l-ħarsien ta’ dawk li jistgħu jkunu vulnerabbli għall-virus. Iżda t-tħaddim ta’ dawn il-miżuri jista’ jġib theddida inqas ovvja imma sinifikanti lis-saħħa mentali ta’ nies li ma jiġux infettati.

L-effetti tat-tifrix tal-Coronavirus fuq is-saħħa mentali tal-persuna qed ivarjaw minn persuna għal oħra, iżda l-esperti qed jgħidu li l-aktar kwistjonijiet li qed jispikkaw huma l-ansjetà u s-solitudni. Huwa faċli li tifhem għaliex l-ansjetà tqum matul kriżi. L-aħbarijiet li qed joħorġu l-ħin kollu u l-messaġġi li qed jinbidlu mill-Gvern u mill-awtoritajiet tas-saħħa qed joħolqu stress u inċertezza fost iċ-ċittadini. Għal uħud mill-popolazzjoni Maltija, dawn il-kwistjonijiet jistgħu jġibu emozzjonijiet ta’ biża’ u nuqqas ta’ kontroll. Dawn iwasslu lin-nies biex jagħmlu deċiżjonijiet irrazzjonali hekk kif jitħabtu biex jagħmlu differenza bejn il-perikli reali tal-virus u r-riskji immaġinarji li jġibu n-nies bl-ansjetà tagħhom.

Fattur ieħor li jpoġġi riskju fuq is-saħħa mentali huwa l-iżolament li jinħoloq billi wieħed jiddistanza ruħu minn ħaddieħor. Il-bniedem għandu x-xewqa naturali li jkun parti minn grupp. Meta nkunu mċaħħdin minn dan il-kuntatt soċjali, jista’ jkollna effetti fuq is-saħħa mentali u dik fiżika. Is-solitudni diġà hija problema għal xi wħud qabel ma feġġ dan il-virus. Ġimgħat ta’ iżolament estiż li jkun impost biex jikkontrolla t-tifrix tal-virus jistgħu jaffettwaw lis-saħħa tal-bniedem. L-effetti fuq is-saħħa mentali jistgħu jdumu ferm wara li l-virus ikun ikkontrollat.

L-esperti dwar is-saħħa mentali jgħidu li hemm modi kif wieħed jiġġieled il-problema psikoloġika tal-Coronavirus. L-aktar pariri komuni jinkludu li nevitaw aħbarijiet sensazzjonali, li nikkomunikaw man-nies fuq it-telefon jew fuq l-internet, li nevitaw il-kuntatt dirett u billi nużaw it-teknoloġija biex nsibu appoġġ minn professjonisti fis-saħħa mentali.