Skont l-Ewro Parlamentari, l-UE għandha tgħin lill-Greċja timmaniġġja l-fruntiera tagħha mat-Turkija, filwaqt li tiżgura d-dritt għall-ażil għal dawk li għandhom bżonnu.

F’dibattitu mal-Kummissarju għall-Affarijiet Interni Johansson u l-Presidenza Kroata tal-Kunsill, il-maġġoranza tal-kelliema kkritikaw lill-President Tork Erdoğan talli uża t-tbatija tan-nies għal skopijiet politiċi. Ħafna saħqu wkoll li l-kriżi tar-rifuġjati tal-2015 m’għandhiex tiġi ripetuta u insistew li l-UE teħtieġ li taġġorna r-regoli komuni tagħha dwar l-ażil.

Uħud mill-mexxejja tal-gruppi politiċi talbu għal reviżjoni tal-ftehim mat-Turkija, li kien intlaħaq fl-2016 biex jitrażżan il-fluss ta’ migranti u ta’ persuni li jfittxu l-ażil bi skambju għall-għajnuna finanzjarja tal-UE. Oħrajn urew tħassib serju dwar is-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar kemm fil-fruntiera mat-Turkija kif ukoll fil-gżejjer Griegi, fejn eluf ta’ persuni li jfittxu l-ażil, ħafna minnhom minorenni mhux akkumpanjati, jinsabu mitluqin.

Il-ħtieġa li tiġi rrispettata l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u tiġi offruta protezzjoni lir-refuġjati, l-allegazzjonijiet dwar il-vjolenza tal-pulizija fuq nies li jippruvaw jaqsmu l-fruntiera u r-riskju li l-ġiħadisti jistgħu jidħlu fit-territorju tal-UE tqajmu wkoll matul id-diskussjoni.